Thursday, December 26, 2024

Euro 2024 – Ukrajna v Malta: Illum il-Maltin jimmiraw li jpattu għad-diżappunt tat-telfa kontra l-Ingilterra

Aqra wkoll

Fi Stadion Antona Malatinskeho, f’Trnava, is-Slovakkja, illum Malta tilgħab it-tielet logħba minn Grupp C tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, meta tiffaċ­ċja lill-Ukrajna. 

Dan il-logħba se tlaqqa’ żewġ timijiet li kellhom fortuni differenti fil-konfront preċedenti. 

It-team immexxi mill-coach, Michele Marcolini (ritratt), kellu partita ferm diffiċli hekk kif fl-Istadium Nazzjonali safa megħlub mill-Ingilterra bl-iskor kbir ta’ 4-0. 

Minbarra dan ir-riżultat negattiv, il- prestazzjoni tat-team Malti ma laħqitx l-aspettattivi mixtieqa, tant, li ma ġie ndirizzat l-ebda xutt lejn il-lasti avversarji … bl-avversarji jiddominaw għal kollox il-pussess tal-ballun. 

Għaldaqstant, dan huwa ċ-ċans għall- players Maltin li jpattu għad-diżappunt ta’ din id-disfatta.

Iżda huma se jaffrontaw team li sportivament għandu moral “għoli” meta ġej minn rebħa ta’ 3-2 għand il-Maċedonja meta dawn tal-aħħar kienu qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goal. 

Wieħed hawn irid jieqaf u juri solidarjetá mal-poplu tal-avversarji tagħna hekk kif għal dawn l-aħħar 18-il xahar ġie u għadu qed jiġi bbumbardjat mill-qawwiet Russi. 

L-iskwadra hija mmexxija minn Sergiy Rebrov, 49 sena, eks player internazzjonali fejn lagħab 75 partita u skorja 15-il goal. 

Intant waqt il-konferenza stampa li saret ilbieraħ, il-coach Marcolini sostna li l-prestazzjoni trid titjieb ferm minn dik ta’ kontra l-Ingilterra u jinsab diżappuntat minħabba li l-Maltin ma approfittawx mill-ftit ċansijiet li ħolqu. 

Huwa qal li l-players iridu juru aktar determinazzjoni biex jiġu rranġati n-nuqqasijiet li ġew esposti kontra l-Ingilterra. 

Huwa saħaq ukoll dwar l-importanza li jridu jkunu aktar perikolużi u jesponu l-vulnerabbiltá tal-avversarji. 

Hemm bżonn li l-players Maltin jadattaw għal approċċ u strateġija pożittiva biex jiġi mplimentat il-pjan li jimmassimizza ċ-ċansijiet lejn is-suċċess ta’ dan il-konfront. 

Ekonomija

Sport