Sunday, December 22, 2024

Euro U/19: Malta tiddebutta b’telfa diffiċli kontra l-Italja

Aqra wkoll

Malta ……..…0

Italja ………..4

Id-debutt ta’ Malta fil-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt id-19-il sena bħala t-team ospitu kien wieħed mill-aktar diffiċli meta sfat megħluba bl-iskor ta’ 4-0 kontra l-Italja.

Fil-veritá, it-Taljani kienu teknikament aħjar hekk kif iddettaw il-logħob bl-arma letali tkun l-użu tal-faxex laterali li bil-pressjoni kontinwa bdew jiftħu lid-difiża Maltija bil-players jirtiraw lura biex jassorbu l-furja tal-avversarji.

Barra minn hekk, il-Maltin lagħbu b’inferjoritá nu­merika għal aktar minn taq­sima meta tkeċċa Jake Micallef … kif ukoll li l-avversarji ingħataw erba’ pe­nalties li minnhom skorjaw tlieta.

Wara biss tliet minuti, it-Taljani heddew b’ħarba ta’ Luca Koleosho li ġibed id-difiża Maltija billi xeħet lejn Lorenzo Aamtucci li kien ġej bil-ġirja iżda x-xutt bil-baxx tiegħu ġie devjat għal corner bil-ballun jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Tliet minuti wara kien Jake Vassallo li nnewtra­lizza fil-ħin lil Francesco Esposito li seta’ għamel il-ħsara minn taħt il-lasti.

Fil-11-il minuta, Luca D’Andrea qabad ballun fi tliet kwarti ta’ ground u sserrep ma’ bosta difensuri Maltin, daħal fil-kaxxa iżda minn pożizzjoni ideali għolla l-mira.

Fit-13-il waslet l-ewwel reazzjoni Maltija meta Basil Tuma għeleb lil Lorenzo Dellavalle fuq il-ġirja iżda tawwal il-ballun f’tarf il-kaxxa ż-żgħira meta ġie attakkat minn Luca Lipani biex iċ-ċans intilef.

Fit-18-il minuta, l-Italja resqu viċin meta l-kanunata ta’ N’Dour ġiet salvata minn fuq il-linja fatali minn Sven Xerri.

Peró minuta wara, it-Taljani fetħu l-iskor wara li ngħataw penalty meta minn azzjoni ta’ corner id-daqqa ta’ ras ta’ N’Dour ħabtet ma’ id Alfie Bridgman … biex mill-11-il metru l-istess Cher N’Dour ma żbaljax.

Fil-25 minuta, N’Dour reġa’ kien protagonista me­ta minn barra l-kaxxa l- kbira dawwar il-free-kick tie­għu iżda ġie mċaħħad mill-wieqfa.

Fit-32 minuta, it-Taljani reġgħu rebħu penalty meta Jake Micallef ġie ġġudikat li żamm b’mod irregolari lil Francesco Esposito meta rċieva l-ballun wara li daħal fil-kaxxa … u l-istess Esposito rdoppja għat-team tiegħu meta sammar il-ballun fix- xibka.

Inkredibbli! Fid-39 minuta, it-Taljani ngħataw penalty ieħor meta Jake Micallef waqqa’ lil Esposito fil-kaxxa bil-player Malti ikun ikkastigat ukoll bit-tieni karta safra … u jitkeċċa.

Iżda mill-11-il metru Luca D’Andrea xxuttja għoli. 

Madankollu, żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima l-is­tess Luca D’Andrea żied l-iskor għat-team tiegħu meta minn azzjoni ta’ free-kick ix-xutt tiegħu ġie devjat għal ġox-xibka.

Fis-66 minuta, it-Taljani resqu viċin li jkabbru l-iskor iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Esposito ġiet imċaħħda mill-mimduda.

Peró, fil-91 minuta, l-Italja ngħa­taw penalty rigal li minnu Samuele Vignato ma żbaljax.

MALTA: 1-Hugo Sacco, 2-Andy Borg,  3-Matthias Ellul (11-Benjamin Hili 71), 4-Sven Xerri, 5-Jake Vassallo, 6-Jake Micallef, 8-Lucas Scicluna, 9-Basil Tuma (7-Nathan Cross 60), 10-Dylan  Scicluna (20-Brooklyn Borg 85), 16-Lucas Caruana (17-Daniel Letherby 59), 18-Alfie Bridgman (15-Tristan Viviani 46) – Coach: Antonio Mendes

ITALJA: 1-Davide Mastrantonio, 2-Filippo Missori, 3-Iacopo Regonesi (6-Alessandro Dellavalle 86), 5-Lorenzo Dellavalle, 8-Cher N’Dour, 9-Francesco Esposito (18-Nicoló Turco 75), 11-Luca D’Andrea (10-Samuele Vignato 65), 13-Michael Kayode, 15-Luca Lipani (19-Niccoló  Pisilli 75), 17-Lorenzo Amatucci, 20-Luca Koleosho (7-Luis Hasa 76) – Coach: Alberto Bollini

REFEREE: Yiga Frid (Iżrael)

ASS. REFEREES: Yossi Babayoff (Iżrael), Denis Sevcenko (Latvja)

RABA’ UFF: Genc Nuza (Kosovo)

SKORERS: C. N’Dour 19 pen, Francesco Esposito 33 pen, L. D’Andrea 47, S. Viganto 91 pen (I)

AMMONITI: J. Micallef (M); I. Regonesi (I)

TKEĊĊA: J. Micallef 38 (M)

Ekonomija

Sport