MALTA…………………0
IRLANDA TA’ FUQ…..1
It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt id-19-il sena beda l-fażi ta’ kwalifikazzjoni tiegħu kontra l-Irlanda ta’ Fuq b’telfa bl-iskor minimu ta’ 1-0, minkejja reazzjoni tard fil-partita biex isalva punt minn din il-logħba. Minkejja t-telfiet kbar kontra l-Belarus ix-xahar li għadda, il-Maltin laħqu l-aspettativa kontra t-team qawwi tal-Irlanda ta’ Fuq, li kien taħt pressjoni matul it-tieni taqsima.
Malta kellha tliet players li jilagħbu barra minn xtutna fil-formazzjoni inizjali hekk kif kien hemm il-goalkeeper James Sissons ta’ Chesterfield, l-attakkant Kai Bartolo ta’ Wealdstone u d-difensur xellugi ibbażat fl-Awstralja, Malik Amin, ta’ Marconi Stallions f’Sydney. Fil-formazzjoni inizjali tal-Irlanda ta’ Fuq kien hemm diversi players minn akkademji taż-żgħażagħ Ingliżi ewlenin bħal Arsenal, Tottenham Hotspur, West Ham United, Everton u Wolves.
Malta gawdiet mill-pussess tal-ballun matul l-ewwel taqsima mimlija episodji iżda l-Irlandiżi wrew li kienu l-aktar perikolużi b’diversi opportunitajiet ta’ skor. Sissons ġie msejjaħ fl-azzjoni għall-ewwel darba wara erba’ minuti, fejn imblokka tentattiv ta’ Braiden Graham li qabeż lid-difensur dirett tiegħu Nathan Joyce fit-tarf tal-kaxxa. Fit-18-il minuta, corner tall-Irlandiżi ħoloq taħwida fil-kaxxa iżda ma kien hemm ħadd fil-post it-tajjeb biex jikkonkludi bid-difiża Maltija tikklerja tajjeb. Ftit wara, l-ewwel tentattiv ta’ Ceadach O’Neill fuq it-tieni lasta mill-cross ta’ Keevan Hawthorne, intemm barra.
Thomas Melillo kellu l-ewwel tentattiv lejn il-lasti avversarji għal Malta fit-22 minuta iżda x-xutt fil-baxx tiegħu minn tarf il-kaxxa għadda ftit ċentimetri barra. Tliet minuti wara, l-Irlanda ta’ Fuq skorjaw dak li rriżulta bħala l-goal tar-rebħa meta James Simpson permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Sissons wara li rċieva minn cross tal-captain, Blaine McClure. Man-nofsiegħa logħob, Sissons imblokka tajjeb tentattiv ta’ Paul McGovern. Fit-33 minuta, Dejan Farrugia kellu l-ewwel xutt għal Malta lejn il-lasti avversraji li ġiegħel lill-goalkeeper tal-Irlanda ta’ Fuq, Joshua Gracey, iwettaq save tajjeb. Ftit qabel il-mistrieħ, Sissons imblokka tajjeb żewġ tentattivi minn Burnside u Graham, u b’hekk intemmet l-ewwel taqsima ferm movimentata.
Il-Maltin bdew it-tieni taqsima b’intenzjoni ċara li jiksbu l-goal ta’ draw. Dan irriżulta f’45 minuta pjuttost bilanċjati, madankollu mingħajr ħafna azzjonijiet denji ta’ nota. Fis-76 minuta, Malta resqet qrib li tikseb id-draw meta s-sostitut Andreas Vella evita lid-difensur dirett tiegħu, iżda kellu t-tentattiv tiegħu jaħbat max-xibka minn barra. Erba’ minuti wara, Melillo kellu l-aħjar ċans tal-logħba għal Malta, meta kellu x-xutt tiegħu jgħaddi ftit għoli, bil-goalkeeper avversraju megħlub għal kollox.
Fis-87 minuta, Jayden Vella kellu xutt b’saħħtu fil-baxx salvat minn Gracey.
Intant, ir-Repubblika Ċeka għelbu lill-Azerbaijan li spiċċaw b’għaxar players bl-iskor kbir ta’ 6-1 fl-istess grupp. Ir-rebbieħ u t-team li jiġi t-tieni f’kull grupp jikkwalifikaw direttament għar-round elite fir-rebbiegħa tal-2026, fejn anke t-team li jikklassifika fit-tielet post ikollu ċans żgħir li jikkwalifika.
Malta
James Sissons, Malik Amin (Jayden Vella 78), Sheldon Borg, Nathan Joyce, Aiden Agius (Nathan Zerafa 89), Thomas Melillo, Jake Borg, Jack Camilleri (Andreas Vella 65), Dejan Farrugia (Liam Micallef 78), Emerson Piscopo (Lyon Abela 65), Kai Bartolo
Coach: Vasco Regini
Irlanda ta’ Fuq
Joshua Gracey, Keevan Hawthorne, Broghan Sewell (Kalum Thompson 65), James Simpson, Luke Matykiewicz, Blaine McClure, Callum Burnside George Feeney, Ceadach O’Neill, Braiden Graham, Paul McGovern (Jack Doherty 65)
Coach: Gareth McAuley
Referee: Sayat Karabayev (Kazakhstan)
Skorer: Simpson 25 (I)

