Friday, December 13, 2024

European Masters: Ronnie O’Sullivan iwarrab l-isfida ta’ Nigel Bong

Aqra wkoll

Ronnie O’Sullivan għadda għat-tieni round tal-European Masters li qed isir f’Milton Keynes meta għeleb lil Nigel Bond 5-1 fl-ewwel laqgħa bejniethom f’24 sena.

O’Sullivan, li qed ifittex it-tieni titlu tal-istaġun wara li rebaħ il-World Grand Prix f’Diċembru, il-bieraħ iffaċċja lil Zhang Anda fit-tieni round u għelbu 5-4.

Bond tilef kontra O’Sullivan sitt darbiet bejn l-1994 u l-1998, u wara li stenna kważi kwart ta’ seklu għal konfront ieħor bejniethom, ma setax jikseb l-ewwel rebħa fuq l-avversarju illustri tiegħu.

O’Sullivan ħa l-ewwel frame bi break ta’ 82, imbagħad żied żewġ frames skab­rużi biex kabbar il-vantaġġ għal 3-0. Bond ħa r-raba’ frame fuq il-kuluri biex żamm it-tamiet tiegħu ħajjin, iżda O’Sullivan għamel break ta’ 132 biex għamilhom 4-1, u ma damx ma ssiġilla r-riżultat fis-sitt frame bi break ta’ 50.

Neil Robertson, il-player tal-istaġun s’issa li kiseb tliet titli, żamm is-sensiela brillanti tiegħu għaddejja b’rebħa ta’ 5-2 fuq Lei Peifan. Breaks ta’ 130, 98, 67 u 52 għenu lill-Awstraljan iwaqqaf partita ma’ Alfie Burden.

In-numru 81 tad-dinja, Ashley Hugill, kiseb rebħa sorpriża ta’ 5-3 fuq player klassifikat 64 post ogħla minnu, Jack Lisowski, fejn breaks ta’ 84, 59, 68 u 54 għenu lil Hu­gill jikseb rebħa famuża. 

F’logħbiet oħra Ashley Carty għeleb lil Soheil Vahedi 5-2, David Gilbert lil Liam Highfield 5-4 fejn għamel breaks ta’ 79, 100 u 105 u Highfield 87, 74, 68 u 58, Barry Hawkins lil Anthony Hamilton 5-3 fejn għalaq b’60 u 66.

Il-bieraħ wara nofs in-nhar għaddew erba’ players Ċiniżi fejn Pang Junsu għe­leb lil Xu Si 5-4 b’kull player jagħmel tliet breaks, 110, 88 u 96 minn Pang u 91, 60 69 minn Xu.

Wu Yize rebaħ lil Fergal O’Brien 5-3 fejn inkluda century breaks ta’ 100 u 112, Liang Wenbo kien involut f’logħba interessanti kontra Duane Jones meta għelbu 5-4 fejn anke hu kkompona centuries ta’ 120 u 140, li huwa l-ikbar wieħed li sar s’issa.

Yuan SiJun ukoll rebaħ 5-4 kontra Stuart Carrington bi tliet breaks ta’ 82, 53 u 73, b’dan jagħmel century ta’ 101, iżda Zhang Jiankang tilef kontra Fraser Patrick 5-3.

John Higgins tilef l-ewwel frame kontra Jamie Clarke iżda mbagħad rebaħ ħames frames infila bi breaks ta’ 82, 53 u 73.

Ekonomija

Sport