Saturday, September 27, 2025

Eurostat iqiegħed lil Malta fl-ewwel post fl-UE … Il-politika ta’ trasport pubbliku bla ħlas tidher li qed tinkoraġixxi l-bidla

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Malta rreġistrat l-ogħla sehem ta’ trasport kollettiv inkluż il-karozzi tal-linja, ix-xarabanks u l-coaches fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Dan irriżulta fi stħarriġ tal-Eurostat dwar it-tipi differenti ta’ użu ta’ trasport ippreferuti miċ-ċittadini Ewropej. Il-karozza baqgħet l-għażla ppreferuta bħal mezz ta’ vjaġġar fost iċ-ċittadini tal-UE. Dan meta ninsabu fi żminijiet meta l-konsegwenzi ambjentali u soċjali qegħdin isiru dejjem aktar reali u urġenti.

Għalkemm l-istħarriġ ta’ Eurostat huwa deskrittiv u ma jindikax raġunijiet diretti għal dawn ir-riżultati, xorta waħda huwa diffiċli li wieħed jinjorahom barra mill-kuntest ta’ Malta fejn l-inizjattiva ta’ trasport pubbliku b’xejn introdotta mill-Gvern x’aktarx kellha rwol importanti biex iktar nies jagħżlu l-karozza tal-linja minflok il-karozza privata.

F’dan l-istħarriġ maħruġ għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà ċċelebrata kull sena bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru għal għarfien u kuxjenza dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli, Malta rreġistrat 15,8% tal-kilometri totali tal-passiġġieri li wżaw il-karozzi tal-linja, ix-xarabanks u l-coaches. 

Ta’ min ifakkar li l-ammont ta’ nies li jużaw it-trasport pubbliku f’Malta ta’ kull sena qiegħed ikompli jiżdied u dan jista’ jwassal biex aktar nies, flok il-karozza personali, jużaw dan il-mezz ta’ trasport pubbliku għall-ivjaġġar tagħhom. F’din il-klassifika pajjiżna kien segwit mill-qrib mill-Irlanda bi 15,4% u mill-Estonja (12,0 %).

Aktar minn 70% għadhom jivvaġġaw bil-karozza tagħhom…

Skont dan l-istħarriġ fl-2023 il-karozza kienet il-mezz ewlieni tat-trasport tal-passiġġieri madwar l-Unjoni Ewropea. L-użu tal-karozza bħala mezz ta’ trasport kienet segwita mill-ajruplani; mill-karozzi tal-linja, xarabanks, coaches jew trolleybuses; il-ferroviji u bastimenti tal-baħar. 

Il-karozzi ammontaw għal 70,6% tal-kilometri tal-passiġġieri totali madwar l-UE. Dan il-persentaġġ irriżulta fi tnaqqis ta’ 1,8 punti perċentwali (pp) meta mqabbla mal-2022. It-trasport bl-ajruplan kien jammonta għal 14,7% tal-kilometri totali tal-passiġġieri. Hawn ġiet reġistrata żieda ta’ 1,6pp meta mqabbel mal-2022. Ix-xarabanks, il-coaches jew it-trolleybuses irreġistraw 7,2% (tnaqqis ta’ 0,2 pp), mentri l-ferroviji ammontaw għal 7,1% (żieda ta’ 0,3 pp). Il-bastimenti tal-baħar kellhom sehem ta’ 0,4%. Dan tal-aħħar baqa’ stabbli meta mqabbel maċ-ċifri tal-2022.

L-ogħla ishma tat-trasport bil-karozzi ġew irreġistrati fl-ewwel post il-Litwanja b’85,7% tat-total tal-kilometri tal-passiġġieri, segwita mill-Olanda b’77,1 % u warajhom il-Finlandja (76,4%).

Il-Kroazja rreġistrat l-ogħla sehem ta’ kilometri tal-passiġġieri tal-ajru fil-prestazzjoni totali tat-trasport (43.5%), segwita mill-Bulgarija (29.0 %) u minn Ċipru b’27.4%.

It-trasport ferrovjarju kellu rwol importanti fl-Olanda (10,9% tal-kilometri totali tal-passiġġieri), fl-Awstrija (10,5%) u fi Franza (9,1%).

Il-Kroazja rreġistrat l-akbar sehem ta’ kilometri tal-passiġġieri għat-trasport bil-baħar (2,4%), segwita mill-qrib mill-Estonja (2,3%) u mill-Finlandja (2,1%).

Il-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-karbonju…

Fi żmien meta l-bżonn għall-sostenibbiltà, il-piż tal-ħajja urbana u l-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-karbonju huma fokus madwar id-dinja, dawn iċ-ċifri juru li Malta tinsab fuq quddiem nett fl-użu tat-trasport kollettiv. 

Filwaqt li l-Eurostat ma jgħidx direttament x’kienet il-kawża, l-esperjenza Maltija turi li politika ta’ trasport pubbliku b’xejn tista’ tkun katalist biex jonqos l-użu tal-karozzi privati, jitnaqqsu l-konġestjonijiet u pajjiżna jkun f’pożizzjoni aħjar biex jilħaq il-miri ambjentali ta’ net-zero u ta’ sostenibbiltà.

Din l-inizjattiva, għalhekk, mhijiex biss soluzzjoni teknika imma investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport