Il-coach Taljan, Eusebio Di Francesco, huwa l-kandidat ewlieni biex jieħu t-tmexxija tat-team ta’ Wolves wara t-tkeċċija ta’ Bruno Lage, nhar il-Ħadd li għadda.
Lage tneħħa minn dmirijietu wara t-telfa ta’ 2-0 kontra West Ham, li rathom jaqgħu fiż-żona tar-relegazzjoni b’rebħa waħda biss minn tmien logħbiet.
Permezz tar-relazzjoni ta’ Wolves mal-aġent Jorge Mendes, ġew marbuta numru ta’ coaches Portugiżi fosthom Pedro Martins u kif ukoll dak attwali ta’ Sporting Lisbon, Ruben Amorim.
Paulo Fonseca ta’ Lille, li qabel kien ikkunsidrat għall-impjieg ma’ Newcastle, u l-eks boss Spanjol ta’ Liverpool u Everton, Rafa Benitez, urew interess f’dan l-irwol.
Iżda jidher li Di Francesco huwa l-favorit. L-eks internazzjonali Taljan għandu CV impressjonanti immens, peress li kien il-persuna li wassal lil Sassuolo fis-Serie A u mbagħad fl-Ewropa, qabel ħa t-tmexxija ta’ Roma. Sussegwentement huwa mexxa lill-Giallorossi għat-tielet post fis-Serie A u għas-semifinali tal-UEFA Champions League.
Di Francesco bħalissa huwa aġent ħieles, wara li kellu perjodi ma’ Sampdoria, Cagliari u Verona. Hu mifhum li Wolves diġá għamlu kuntatt miegħu u jinsab ħerqan ħafna li jmur jaħdem fl-Ingilterra.