Kmieni dalgħodu l-ekwipaġġ tat-tanker “Chem P” ingħata struzzjonijiet biex iħalli l-ankra fil-baħar wara li din potenzjalment jista’ jkun li għamlet xi forma ta’ ħsara jew intervent fuq l-interconnector. Il-Kaptan David Bugeja kellem lil dan is-sit dwar is-sitwazzjoni tat-tanker “Chem P” u l-attività li għaddejja bħalissa b’konnessjoni mal-interconnector fejn qalilna li l-ankra tħalliet fil-baħar bil-għan li tkun immitigata jew ma ssirx aktar ħsara, kif ukoll infurmana li niżel bugħaddas.

Bugeja spjega li din il-ħidma taħt il-baħar qiegħda ssir biex jagħmlu l-arranġament ħalli tinġabar l-ankra u tkun irritornata lill-vapur, kif ukoll biex jinġibed filmat tal-interconnector ħalli jaraw jekk hemmx xi ħsarat jew affarijiet oħra miegħu.

Mistoqsi jekk huwiex ikkonfermat li hemm xi tip ta’ ħsara fuq l-interconnector, il-Kaptan Bugeja qalilna li, “jidher li hemm probabbiltà li xi forma ta’ ħsara hemm iżda ma nafux eżattament kemm u x’tip. Hemm pajp tal-ħadid b’saħħtu imma hemm din il-probabbiltà. Min-naħa tagħna, biż-żgur nevitaw li jekk kien hemm xi ħaġa, din ma tiggravax, ġiegħelnihom iħallu l-ankra hemmhekk. Issa niġbruha bil-kalma kollha u mbagħad nistennew istruzzjonijiet mill-Enemalta li għandha l-esperti apposta”.

Huwa qalilna li f’każ ta’ ħsara fl-interconnector, ikunu involuti b’mod indirett il-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-vapur mal-Enemalta li huma s-sidien tal-interconnector.
Il-Kaptan Bugeja qal li issa t-tanker “Chem P” se jittieħed ‘il barra minn Popeye Village, f’Anchor Bay, biex hemmhekk isiru iktar investigazzjonijiet u spezzjonijiet. Dan sakemm imbagħad, skont il-kundizzjoni tat-tanker u l-previżjonijiet tat-temp fost affarijiet oħra, ikun deċiż fejn imur l-istess tanker.
