Saturday, October 26, 2024

Evarist Bartolo jerġa’ jsejjaħ għall-integrazzjoni tal-immigranti

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq fil-Parlament li l-immigranti li jgħixu Malta għandhom jintegraw fis-soċjetà u jimxi skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Huwa stqarr dan waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari dwar l-immigrazzjoni irregolari u anke dwar is-sitwazzjoni fl-Afrika nkluż fil-Libja.

Bartolo sostna li rridu nħarsu lejn l-Afrika b’mod li mhux biss naħsbu fil-faqar li hemm f’diversi pajjiżi imma bħala kontinent fejn hemm ukoll l-opportunitajiet u għalhekk jinfetħu ambaxxati f’numru minnhom.

Dwar il-Libja qal li l-Gvern irid li dan il-pajjiż ikun maqgħud u jgħix fil-paċi u waqt li semma kif Malta għandha relazzjoni maż-żewġ naħat politiċi li hemm fil-pajjiż stqarr li jekk il-pajjiż jingħaqad jista’ jkun l-iktar pajjiż sinjur fil-Mediterran.

Hawnhekk irrefera għall-immigrazzjoni fejn semma d-differenza bejn dawk li għandhom dritt li jingħataw status ta’ ażil jew refuġju u dawk li le għax ma jkunux telqu minħabba faqar jew gwerer imma għal raġunijiet ekonomiċi.

Kien hawn li Bartolo irrefera għall-integrazzjoni u nsista li min jgħix Malta jrid jimxi mal-obbligi tal-Kostituzzjoni u saħaq li jekk Malta għandna ċertu drittijiet ma jistax ikun li xi ħadd għax ġej minn pajjiż mhux daqshekk avvanzat jippretendi li nkunu aħna li mmorru lura minflok ma jimxi ‘l quddiem hu.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej temm id-diskors tiegħu billi wissa li rridu noqgħodu attenti minn ċertu integrazzjoni fl-Ewropa li falliet.

Sport