Saturday, October 26, 2024

Evarist Bartolo jinnota deċiżjonijiet għaqlin tal-gvern Tork fil-ftehim biex l-Ukrajna tkompli bl-esportazzjoni tal-qamħ

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Evarist Bartolo nnota l-ħidma tal-gvern Tork biex seta’ jintlaħaq ftehim bejn l-Ukrajna, ir-Russja u n-Nazzjonijiet Uniti rigward l-esportazzjoni ta’ 45 tunnellata ta’ qamħ li jistgħu jkunu t-tama ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja. Filwaqt li qal li feraħ lill-Ministri konċernati, Bartolo spjega dwar l-istrateġija tat-Turkija li “b’responsabbiltà u għaqal żammet kuntatt u fiduċja kemm mar-Russja kif ukoll mal-Ukrajna.”

Bartolo kellu kuntatt personali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork Mevlut Cavusoglu u mal-Ministru tad-Difiża Hulusi Akar. Dan tal-aħħar qallu li din hija kwistjoni li kulħadd għandu jifhem ċar. Cavusoglu rringrazzja lil Bartolo tal-interess u qallu li din il-ħidma għandha tkompli biex tkun tista’ titwaqqaf il-gwerra. Rigward il-kuntatt tiegħu mat-Turkija, Bartolo qal li dan jikkonferma li r-relazzjoni tajba li pajjiżna bena magħhom ma tnaqqas xejn mir-relazzjoni ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn bħalma huma l-Greċja u Ċipru li magħhom it-Torok għandhom inkwiet serju fuq suġġetti bħalma huwa l-baħar ta’ bejniethom u ż-żejt u l-gass li hemm taħtu.

Bartolo kompla biex jgħid li hemm fejn l-alleanza militari tan-NATO tagħti nifs u spazju ta’ manuvrar lill-membri taghha stess, milli lill-Unjoni Ewropea. Fakkar li t-Turkija hija membru tan-NATO li kkundannat l-invazjoni Russa tal-Ukrajna u tibghat droni militari lill-Ukrajna. Minkejja dan bħala pajjiż ma ssiħbetx fis-sanzjonijiet kontra r-Russja li mponew l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Bartolo spjega li dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu bil-għaqal għamluha possibbli biex flimkien man-Nazzjonijiet Magħquda twassal lir-Russja u lill-Ukrajna għal ftehim dwar l-esportazzjoni tal-qamħ u l-fertilizzant.

Ritratt: Alan Saliba

Tenna biex jgħid li s-27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandhom politika barranija differenti li għandhom jintużaw biex b’rieda u kuraġġ joffru żblokk għal dawn il-kriżijiet. Barra minn hekk pajjiżi bħall-Awstrija, Malta, Ċipru, l-Irlanda (ilkoll newtrali) u l-Ungerija (fin-NATO imma b’relazzjonijiet tajbin mar-Russja) jistgħu jzommu kuntatt tajjeb maż-żewġ pajjiżi fil-gwerra u bla ma jitqiesu bħala għedewwa, jagħtu sehemhom biex jintlaħaq il-ftehim diffiċli li jkun tajjeb għat-tnejn li huma u li ma jumilja lil ħadd minnhom. 

Bartolo qal li jemmen li fl-ogħla tmexxija tal-Unjoni Ewropea hemm min jemmen, anke jekk qatt ma qal fil-miftuħ, li l-istess Unjoni Ewropea jista’ jkollha politika barranija aktar flessibbli u kreattiva li tippermetti d-diversità mingħajr bżonn ta’ kunsens li kulħadd jiċċaqlaq fi triq waħda.

Bartolo kkummenta dwar dan kollu wara li ftit sigħat wara l-ftehim milqugħ li se jippermetti li l-Ukrajna tkompli bl-esportazzjoni ta’ tunnellati ta’ qamħ mingħajr xkiel mir-Russi. Minkejja li kien hemm rapporti ta’ missili sparati fil-Port ta’ Odesa, ir-Russi qalu li mhumiex wara l-attakki u l-awtoritajiet Ukreni xorta baqgħu għaddejjin bil-pjanijiet biex il-qamħ jibda jiġi esportat kif pjanat. Bartolo nnota li din kienet aħbar tajba għal kulħadd, inkluż għal Malta, għax il-prezz tal-qamħ reġa’ niżel għal kif kien qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna li bdiet proprju ħames xhur ilu.

Sport