Monday, November 18, 2024

Everton jingħataw erba’ punti (mill-għaxra) wara smiegħ tal-appell

Aqra wkoll

Il-penali ta’ 10 punti mogħtija lil Everton talli kisru r-regoli tal-infiq tal-Premier League tnaqqset fl-appell li resqu fil-ġimgħat li għaddew.

Il-Bord tal-Protesti, li sema’ argumenti dwar il-każ aktar kmieni din is-sena, naqqas is-sanzjoni b’erba’ punti.

Dik id-deċiżjoni toffri spinta kbira lill-club li ilu li nħakem f’kontroversja barra l-ground minn meta ġie sanzjonat f’Novembru.

Dan il-fatt isaħħaħ ukoll il-ġlieda tal-manager Sean Dyche kontra r-relegazzjoni hekk kif issa jkunu ħames punti vantaġġ miż-żona l-ħamra, bl-aħħar tliet timijiet ikunu Luton Town, Nottingham Forest u Brentford.

Peró, fl-istess waqt ma tintemmx l-inċertezza dwar il-poizzjoni tal-club fil-kampjonat … hekk kif bit-tieni każ kontra l-Blues se jinstema’ fix-xhur li ġejjin. 

Iżda huwa riżultat sinifikanti għal team li ilu ma jirbaħ fil-kampjonat għal dawn l-aħħar disa’ logħbiet … bl-aħħar waħda tkun dik ta’ nhar is-Sibt li għadda, fl-Amex Stadium, meta Brighton kisbu d-draw ta’ 1-1 kontra Everton proprju fil-ħin miżjud minn Lewis Dunk. 

Everton tilfu l-konsistenza mindu l-Premier League kien ħabbar li l-club kien se jintlaqat bi tnaqqis ta’ 10 punti wara prosekuzzjoni tal-ewwel tax-xorta tiegħu għall-ksur tar-regolamenti dwar il-profitt u s-sostenibbiltà.

Ekonomija

Sport