Everton offrew iċ-ċans lil Frank Lampard li jsir il-manager il-ġdid tagħhom.
It-Toffees qed ifittxu manager wara t-tluq ta’ Rafael Benitez, u managers bħal Vitor Pereira u Duncan Ferguson kienu qed jissemmew li jistgħu jieħdu din il-pożizzjoni.
Madankollu, huwa mifhum li Lampard – bla xogħol minn meta tneħħa mid-dmirijiet tiegħu minn Chelsea f’Jannar li għadda –ġie offrut il-kariga f’Goodison Park.
L-ex player internazzjonali Ingliż jista’ jiġi kkonfermat bħala l-manager il-ġdid tal-club minn Merseyside qabel il-konfront tal-FA Cup kontra Brentford fil-5 ta’ Frar li ġej.
Benitez ġie meħlus minn dmirijietu f’Goodison Park wara sensiela ta’ rebħa waħda biss minn 14-il partita tal-kampjonat, bit-team bħalissa jinsab fis-16-il post fil-klassifika tal-Premier League.
Ix-xogħol ta’ Lampard ma’ Derby County wassal biex Chelsea offrewlu r-rwol maniġerjali fi Stamford Bridge, iżda l-manager ta’ 43 sena tkeċċa f’Jannar 2021, b’Thomas Tuchel is-sostitut tiegħu f’Londra.