Everton huma miftuħa għall-offerti għad-difensur Mason Holgate fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.
Il-player ta’ 25 sena lagħab seba’ darbiet dan l-istaġun fil-Premier League, u ma setax jikseb post regolari fil-formazzjoni inizjali.
Minkejja l-fatt li l-istaġun li għadda ffirma kuntratt ġdid ta’ ħames snin biex jiżgura l-futur tiegħu f’Goodison Park, għadu jrid jikkonvinċi lil Rafael Benitez.
It-Toffees huma lesti li jbigħu lil Holgate f’Jannar biex jiġbru fondi biex jintefqu fuq players oħra, b’difensur ikun fil-mira tal-club.
Minn mindu ngħaqad ma’ Everton id-difensur għamel 120 dehra, iżda issa huwa isem wieħed li tqies internament li jista’ jħalli l-club jekk tidħol l-offerta t-tajba.
Holgate ntgħażel minn Benitez waqt l-aktar partita riċenti tagħhom kontra Chelsea, li wasslet għal draw ta’ 1-1, bit-Toffees ikunu lura fl-azzjoni nhar il-Ħadd kontra Brighton u Hove Albion.