Monday, July 21, 2025

EVITATA DIŻGRAZZJA FIL-KALKARA

Inċident fil-festa ta’ San Ġużepp li fih “imn’alla ma weġġa’ ħadd”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Inċident li jingħad li seħħ is-Sibt filgħodu waqt il-festa ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, seta’ kellu konsegwenzi serji. Kummenti fil-midja soċjali jikkonfermaw dan fosthom minn persuna preżenti fuq il-post, mis-Sindku Wayne Aquilina u mill-Kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġuzepp.

Il-persuna li kienet fuq il-post fil-kumment tagħha kitbet li dan l-inċident seta’ spiċċa f’diżgrazzja. Hija rrakkontat li kienet għadha kif għaddiet bix-xirja u r-raġel tagħha kellu l-karozza pparkjata ftit ‘il bogħod meta, “f’daqqa waħda rajnih jegħleb u waqa’ fuq kollox. Imn’alla ma weġġa’ ħadd… Verament is-Sagra Familja kienet magħhom”.

Filwaqt li din l-istorja tidher li hemm min irid iżommha mistura mill-midja, sibna li l-Kumitat tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp esprima online s-solidarjetà tiegħu ma’ Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja Kalkara A.d.1897 bil-kliem, “wara dan l-inċident li ġara biswit il-kolonna tas-Sagra Familja”.

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, Wayne Aquilina, ukoll esprima s-solidarjetà tiegħu mal-istess Circolo u fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu kiteb, “kont preżenti mal-kumitat u partitarji ftit minuti wara li s-Sagra Familja ħelsitna minn aċċident li seta’ kien diżgrazzja akbar. Kuraġġ”. 

Tajjeb li ngħidu li meta dan il-ġurnal talab aktar informazzjoni u kumment mingħand is-Sindku tal-Kalkara fuq dan l-inċident, kulma qalilna huwa biex inħalluhom igawdu l-festa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport