Sunday, October 27, 2024

EWROPA LI GĦANDHA TISTINKA GĦAS-SLIEM

Aqra wkoll

Is-seba’ u għoxrin pajjiż li flimkien jiffurmaw l-Unjoni Ewropa, ilbieraħ iċċelebraw u fakkru Jum l-Ewropa. Din is-sena, dan il-jum ġie 30 ġurnata biss qabel iċ-ċittadini Ewropej se jkunu qed jagħżlu bil-vot tagħhom il-membr tal-Parlament Ewropew, anki jekk huma ħafna dawk fis-27 pajjiż li huma xettiċi jew ma tantx
huma interessati li jmorru jivvutaw.

Bla dubju, l-Unjoni Ewropea llum qed tiffaċċja sfidi kbar. Sfidi li ġejjin mit-tibdil tal-klima b’temperaturi dejjem jisħnu aktar, minn gwerer u kunflitti mdemmija qrib u lil hinn mill-kontinent, minn immigrazzjoni irregolari u anki minn dawk relatati mal-intelliġenza artifiċjali.

Dawn huma ftit mill-isfidi ta’ bħalissa, għaliex bla dubju hemm sfidi oħrajn ekonomiċi u politiċi kif ukoll dawk li l-ġejjieni jista’ jġib miegħu. L-Unjoni Ewropea kif nafuha llum twieldet mit-Trattat ta’ Maastricht fl-1993.

Snin qabel kienet teżisti bħala Komunità Ewropea li fittwelid tagħha kellha tirrifletti l-viżjoni ta’ dawk li ħolmu f’ġejjieni aħjar wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Ġejjieni fejn nazzjonijiet, demokraziji u popli jaħdmu flimkien fil-paċi u l-prosperità u jimbuttaw ’il quddiem il-progress tal-popli.

Madankollu, fl-istorja riċenti kien hemm drabi fejn dik il-ħolma għall-paċi u l-progress ma ħadmitx. Ma ħadmitx għax rajna matul issnin, partikularment wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, nazzjonijiet u federazzjonijiet Ewropej jitfarrku u jiddiżintegraw bl-effetti etniċitagħhom għadhom jinħassu sal-lum.

Għalhekk nemmnu bis-sħiħ f’Unjoni Ewropea aktar ġusta soċjalment, li għandha fuq kollox tistinka aktar għas-sliem, mhux biss fil-kontinent imma anki lil hinn minnu.

Fil-fehma tagħna, biex tasal għal dan iżda, m’għandhiex tinbidel f’unjoni tal-armamenti u l-missili bl-iskuża li trid ittejjeb u ssaħħaħ id-difiża tagħha. Għandha tkun u tibqa’ Ewropa taċ-ċittadini u viċin iċ-ċittadini.

Għalhekk u minn hawnhekk tkompli toħroġ l-importanza li popli Ewropej, inklużi aħna l-Maltin, nhar it-8 ta’ Ġunju jmorru jivvutaw għaliex jekk ma jagħmlux hekk ikunu huma stess li qed jabdikaw id-dritt demokratiku tagħhom u jħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalihom. Il-vot huwa espressjoni u dritt li wieħed għandu li jsemma’ leħnu.

Għalhekk nemmnu, kif qal kemm-il darba l-Prim Ministru, li fit-8 ta’ Ġunju li ġej il-poplu Malti għandu jagħżel lil dawk li fil-Parlament Ewropew jimbuttaw l-aġenda Maltija u ebda interess ieħor. Għaliex din l-elezzjoni mhijiex tal-Laburisti jew in-Nazzjonalisti imma hi ta’ Malta kollha.

Sport