Il-grupp politiku Ewropew Renew Europe appella għal Ewropa iżjed magħquda quddiem l-isfidi l-kbar li hemm quddiem iċ-ċittadini Ewropej fil-preżent. “Din il-kooperazzjoni kienet ir-risposta għall-pandemija u bl-istess mod tista’ tkun soluzzjoni għall-ħtiġijiet li għandhom l-Ewropej illum,” sostna Stéphane Séjourné, il-President ta’ Renew Europe.
Huwa kien qed jikkumenta fil-kuntest tat-tnedija tal-prioritajiet tal-grupp għat-tieni nofs tal-mandat attwali tal-Parlament Ewropew, sal-2024.
“Se niġġieldu l-inġustizzja fejn insibuha u naraw li ma nħallu ‘l ħadd warajna. L-istituzzjonijiet tagħna għandhom bżonn jiġġeddu sabiex l-Ewropej jistgħu jieħdu d-destin f’idejhom,” qal Séjourné.
Séjourné kien wieħed mill-Membri Parlamentari Ewropej li intervjenew fid-diskussjoni fi Strasburgu ftit mumenti wara li tħabbar ir-riżultat li kkonferma lill-MPE Maltija Roberta Metsola bħala President ġdid ta’ din l-istituzzjoni. Huwa esprima l-apprezzament tiegħu għall-prioritajiet elenkati minn Metsola fid-diskors tagħha u wiegħed l-appoġġ ta’ Renew fil-ħidma tagħha matul is-sentejn u nofs li ġejjin: “Nittamaw li inti tkun tista’ tibni l-mudell Ewropew anke f’oqsma bħall-ambjent, it-tranżizzjoni diġitali, is-sigurtà u oqsma oħra”, sostna d-Deputat Franċiż.Renew Europe esprima l-ħsieb li Unjoni Ewropea magħquda hija s-soluzzjoni għal sfidi bħat-tranżizzjoni diġitali u ħadra, it-tisħiħ tal-potenzjal ekonomiku, l-ażil u l-immigrazzjoni, kif ukoll biex nissfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ekonomiku tal-UE.
Renew Europe sejjaħ ukoll għad-difiża tas-saltna tad-dritt u drittijiet fundamentali billi jitwaqqfu l-flus milli jgħaddu għand mexxejja awtokratiċi. Sostna wkoll li hemm bżonn tar-riforma istituzzjonali qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jersqu iżjed viċin taċ-ċitaddini u nżidu l-effettività tal-Unjoni Ewropea.
L-Ewwel Viċi President tar-Renew Europe, Malik Azmani, żied jgħid li qed iħares ‘il quddiem għas-sentejn u nofs li ġejjin u li l-Unjoni Ewropea tkompli tagħmel progress fit-tiġdid taħgha. “Konna vuċi qawwija għal-kooperazzjoni Ewropea u integrazzjoni u biex il-kontinent tagħna jkompli jiflaħ għall-isfidi.”
“Fis-sentejn u nofs li ġejjin fi ħsiebna nressqu proposti leġiżlattivi f’oqsma bħal l-immigrazzjoni, il-klima u s-suq intern u estern. Fl-istess waqt, ghandna bżonn inżidu is-sigurtà tagħna. Meta naħdmu flimkien, nkunu nistgħu nilħqu l-għan komuni tagħna li nsaħħu l-Ewropa,” qal Malik.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizjattiva ta’ tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirriflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta