Thursday, March 19, 2026

EWROPA MAGĦQUDA KONTRA TRUMP?

Aqra wkoll

Fi żmien ftit aktar minn sena mindu Donald Trump reġa’ nħatar President tal-Istati Uniti  għal darba oħra qegħdin naraw sitwazzjoni fejn l-Ewropa – jiġifieri pajjiżi Ewropej li storikament kienu alleati tal-Istati Uniti, qegħdin jitbiegħdu mill-Istati Uniti. Ix-xejra ilha għaddejja għal aħħar xhur, anki f’kummenti li Donald Trump kien għamel fuq l-Ewropa u anke kif aġixxa. Proprju fl-aħħar jiem faqqgħet sitwazzjoni ġdida. It-talba tiegħu li l-pajjiżi tan-NATO u oħrajn jgħinu lill-Istati Uniti – li bdiet gwerra mal-Iran, biex jipproteġu l-bastimenti fl-Istrett ta’ Hormuż, li minnu jgħaddi 20 fil-mija taż-żejt fid-dinja.

Hu ċar li matul l-aħħar xhur rajna li l-pajjiżi Ewropej ma kellhomx pożizzjonijiet komuni fejn tidħol l-Istati Uniti u dak li joħroġ bih il-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Matul ix-xhur li għaddew kien hemm diversi kwistjonijiet fosthom dawk marbutin mal-tariffi u anke l-kwistjoni li ħolqot kontroversji kbar jiġifieri dik ta’ Greenland. 

Anki fil-każ tal-attakk fuq l-Iran ma kienx hemm pożizzjonijiet komuni fost il-pajjiżi Ewropej. Biss il-kwistjoni marbuta mal-Istrett ta’ Hormuż u l-mod kif qiegħed jiġi affettwat it-traffiku marittimu b’mod partikolari it-trasport taż-żejt, wasslet biex l-Istati Uniti ħadet deċiżjoni oħra u din jidher li issa għaqqdet flimkien lill-pajjiżi Ewropej, taqta’ barra lil Ungerija ta’ Orban. 

Din hi d-deċiżjoni li ħadet l-Istati Uniti li tneħħi għal 30 jum is-sanzjonijiet fuq il-bejgħ taż-żejt Russu li diġà hu mgħobbi fuq tankers. Din il-miżura mill-Istati Uniti hi  maħsuba biex ittaffi t-tfixkil tas-suq marbut mal-kunflitt tal-Lvant Nofsani. 

Li ġara b’din il-miżura kien li jidher li għaqqdet il-mexxejja Ewropej kollha kontra l-istess Trump. Jidher li dan qiegħed iseħħ għax huma issa qegħdin jirrealizzaw aktar minn qatt qabel, li tali miżura se tkun qiegħda tgħin lir-Russja, il-pajjiż li jinsab fi gwerra mal-Ukrajna u li l-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba iddeċidiet li tgħin militarment u anke finanzjarjament pajjiż f’kunflitt.  Fl-aħħar erba’ snin l-Unjoni Ewropea ħarġet flejjes kbar u għenet b’ammont ta’ armi lill-istess Ukrajna.

Kollox jindika li l-pożizzjoni li ħadu l-pajjiżi Ewropej fil-konfront ta’ Trump hi imsejsa fuq għadd ta’ konsiderazzjonijiet. L-ewwel u qabel kollox, illum hu ċar aktar minn qatt qabel li Trump u l-Istati Uniti ta’ llum ma jinteressahiex mill-Ewropa. Tant ma jimpurtahx mill-interessi Ewropej, li mhux se joqgħod lura milli jieħu miżuri li l-Ewropej jistgħu jarawhom ta’ dannu għalihom basta jikseb vantaġġ għall-Istati Uniti.  Rajna issir anke fil-każ ta’ Greenland, imma issa fil-kwistjoni tas-sanzjonijiet Russi, m’hemmx biss diskorsi u paroli imma azzjoni konkreta. 

Imma dak li sar mill-pajjiżi Ewropej hu biżzejjed?  Ma naħsbux li hu biżżejjed. Li jgħidu biss li mhux se jilqgħu l-istedina tiegħu għal azzjoni ta’ protezzjoni lill-bastimenti fl-Istrett ta’ Hormuż mhux biżżejjed. Irridu naraw pajjiżi Ewropej u fuq kollox Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha fil-qasam tal-Affarijiet Barranin. Unjoni Ewropea li titkellem b’vuċi b’saħħitha u bla tidwir. Rajniha b’pożizzjonijiet dgħajfin fl-attakki li l-Gvern ta’ Netanyahu kien qiegħed iwettaq fuq Gaża. Rajniha siekta għal xhur sħaħ, waqt li kienu qegħdin jinqatlu persuni innoċenti ta’ kuljum.

U llum quddiem dan l-attakk illegali tal-Istati Uniti fuq l-Iran, attakk li ħafna qegħdin isostnu li ma jafux x’inhuma l-objettivi tiegħu, hemm bżonn li l-pajjiżi Ewropej jitkellmu b’mod ċar li dan il-kunflitt għandu jieqaf. Hu kunflitt li fi qegħdin jinqatlu persuni ċivili. Rajna ammont kbir ta’ tfal jispiċċaw jiġu maqtulin f’attakk fuq skola Iranjana.  Fuq kollox nistennew li l-Unjoni Ewropea ma jibqgħux b’ħalqhom magħluq fuq dan il-kunflitt. Jitkellmu fuq l-effetti diżastrużi fuq l-ekonomija globali u fuq l-istabbiltà tal-Lvant Nofsani. Fuq kollox l-impatt li dan il-kunflitt mibdi mill-Istati Uniti u minn Iżrael qiegħed iħalli fuq il-pajjiżi Ewropej u pajjiżi oħra madwar id-dinja hu effett li qegħdin ibatuh iċ-ċittadini ta’ l-istess pajjiżi. 

Nemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-isforzi tagħha biex dan il-kunflitt jieqaf. Kunflitt li kien ippjanat li jdum erbat ijiem  u issa diġa daħal fl-20 jum tiegħu.   Nemmnu li d-diplomazija u djalogu għandhom jirbħu fuq il-kunflitt bl-armi. Aktar ma ttul aktar se jkun hemm effetti negattivi, li finalment ibatihom il-pubbliku inġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport