Sunday, December 22, 2024

Ewropa soċjali l-ewwel, mhux il-politika tal-biża’

Jikteb is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja

Aqra wkoll

L-elezzjonijiet Ewropej ta’ spiss iservu ta’ test għal-gvern bejn elezzjoni ġenerali w oħra. Għall-votanti, meta m’intix qed tivvota għall-bidla fil-gvern, vot ta’ protesta jaf ibeżbeż il-partit fil-gvern biex tqajmu minn xi tip ta’ kompjaċenza. U lanqas m’hi xi għażla inqas razzjonali mill-oħrajn.

Iżda fl-2024, l-istaġun politiku Malti diġà qed ikun ikkaratterizzat minn diskors perikoluż dwar il-ħaddiema barranin. Huwa ċar li fostna għandna vuċijiet opportunistiċi li jridu jħawdu l-problemi tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, mal-konspikwità ta’ ċittadini mhux tal-UE li jgħixu u jaħdmu fostna.

It-tkabbir tal-popolazzjoni f’Malta, ġie xprunat mis-suċċess ekonomiku u d-domanda għall-ħaddiema, u ta’ bilfors kellu impatt fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi tal-gżira taghna. Iżda hemm min dawn l-għaxar snin ta’ tkabbir ta’ impjiegi ikejlu biss bix-xiber politiku tiegħu, u mhux f’termini ekonomiċi reali: bħad-dħul ta’ introjti taxxabbli li kabbru l-fond tal-pensjonijiet tagħna u s-sigurtà soċjali li ġiet garantita matul il-COVID u lilhinn minnha, kif ukoll li ssussidjaw il-kontijiet tal-enerġija u l-fjuwil b’xi €340 miljun!

Apparti minn hekk, il-mobilità tal-ħaddiema Maltin ġabet magħha l-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema li kellhom jimlew okkupazzjonijiet bżonnjużi, kemm ta’ livell baxx kif ukoll għoli: l-infermiera u kull min jieħu ħsieb l-anzjani tagħna; l-irġiel u n-nisa li jnaddfu t-toroq tagħna, dawk li jsuqu l-karrozzi tal-linja tagħna, jew iservuna fis-supermarkets; kif ukoll ħaddiema fl-industriji tas-servizzi.

Minflok, f’dawn l-elezzjonijiet tal-MEPs tal-2024, qed nisimgħu b’forzi politiċi ħerqana li jikkapitalizzaw fuq sentimenti ksenofobiċi. Jisfruttaw id-distakk bejn ir-realtà tal-impjiegi essenzjali li dan il-pajjiż jeħtieġ, u l-influss tax-xogħol li hemm bżonn biex tlaħħaq ma’ din id-domanda. Bħala l-akbar unjoni f’Malta, qed insejħu lill-partiti prinċipali biex ma jużawx dan id-diskors li jattakka b’mod diżonest lill-ħaddiema, kemm barranin kif ukoll Maltin, biex b’mod  ċiniku jfasslu il-kampanja politika Ewropea tagħhom. 

Huwa għalhekk li l-General Workers Union tissieħeb mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u tappella lil ħaddiema, lill-istudenti u lill-pensjonanti, biex bħala priorità fl-2024, jivvutaw għal Ewropa aktar ġusta u soċjali.

Ċertament f’Malta, nistgħu ngawdu l-kisbiet importanti għall-ħaddiema — liġijiet ta’ reklutaġġ aktar ġusti, negozjar kollettiv akbar, djalogu soċjali aktar b’saħħtu, miżuri ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, miżuri kontra x-xogħol prekarju, u tkabbir fil-paga minima. Iżda l-isfidi għall-ġustizzja soċjali hemm għadhom. Il-ħaddiema għadhom jiffaċċjaw it-theddid tat-tnaqqir tal-pagi f’dinja ta’ profitti rekord, u tar-regoli ta’ awsterità tal-UE li jrażżnu l-infieq tal-gvern fuq is-servizzi soċjali u kapitali, kif ukoll dawk il-partiti li jużaw is-‘soundbites’ tal-lemin estrem biex jippruvaw jirbħu l-voti. 

Allura fuq xiex għandhom jivvutaw il-Maltin din is-sena? L-istedina tiegħi lilkom hija li l-ewwel, tagħżlu Ewropa soċjali: waħda li tiggarantixxi impjiegi u dħul aħjar, protezzjoni soċjali, u miżuri li jiġġieldu kontra l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. 

Għax huwa b’rappreżentanti Ewropej b’saħħithom fi Brussell, kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kummissjoni, li l-valuri tad-djalogu soċjali u d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol jistgħu jiġu rispettati, kif ukoll biex l-Ewropa jkollha vuċi b’saħħitha globalment.

Din mhijiex viżjoni li tieqaf biss fuq il-post tax-xogħol. L-Ewropa għandha tfisser l-aħjar leġiżlazzjoni dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol biex ikollna żero mwiet fuq il-post tax-xogħol jew ikkawżati mix-xogħol; l-Ewropa għandha tfisser infurzar sħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions; iċ-ċaħda tal-awsterità, sabiex il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir nallinjawh mad-drittijiet fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; l-Ewropa għandha tfisser il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, li tiżgura li l-profitti eċċessivi jiġu intaxxati; għandha tfisser bażi industrijali b’saħħitha u servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja; l-Ewropa għandha tkun dwar tranżizzjoni diġitali ġusta, li tissalvagwardja lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom, tirregola l-Intelliġenza Artifiċjalim, u tilħaq il-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE.

F’diskors reċenti lill-MPE f’Jannar, meta assuma l-presidenza tal-Kunsill tal-UE, il-Prim Ministru Belġjan Alexander de Croo wissa li ċ-ċans li f’Novembru tal-2024 jerġa jiġi elett il-President tal-“Amerika l-ewwel”, ifisser għal darb’oħra li l-Ewropa se tispiċċa waħedha. Issa tkun xi tkun il-forma li tista’ tieħu din l-alleanza transatlantika, naħseb li huwa f’idejna — bħala votanti Ewropej — li ngħammru lill-UE minn qabel, b’MEPs u forzi politiċi fil-Kummissjoni, li jagħtuha vuċi b’saħħitha li ssostni kwalità ta’ ħajja aħjar, servizzi pubbliċi eċċellenti, u ugwaljanza għal kulħadd.

Għax il-ġustizzja soċjali żġur mhijiex xi biċċa slogan. F’Malta dan huwa l-pedament tal-koeżjoni soċjali u l-paċi industrijali tagħna, bl-unjins bħala l-forza mexxejja tagħhom. Li nissagrifikaw dan fuq l-artal tal-konvenjenza politika u nħallu ‘l min jgħawwina bid-diskors opportunistiku dwar il-‘barranin’, ikun qed jaqta mnieħru biex jinki ‘l-wiċċu.

Ekonomija

Sport