Saturday, December 21, 2024

EWTANASJA JEW SUWIĊIDJU?

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Filwaqt li nħalli xi ftit fil-ġenb lill-‘Kwadroloġija tal-Ħmar’ (sensiela ta’ erba’ artikli dwar is-sistema elettorali Maltija), illum xtaqt indawwar ħarsti lejn suġġett ieħor li ilni xi ftit żmien biex nikteb dwaru.

Forsi mhux b’kumbinazzjoni illi matul is-sena 2022 (is-sena ta’ wara l-COVID-19) kelli esperjenza ta’ żewġ suwiċidji.  Suwiċidju minnhom seħħ f’Malta u ieħor seħħ f’pajjiż barrani minn persuna li kienet ilha ħafna residenti Malta.  Wieħed minnhom ma mietx id-dar, allura sabuh il-pulizija.  L-ieħor miet id-dar, allura sabitu mejjet martu.

Niddikjara li jien stess għamilt sena sħiħa nimxix minħabba marda tan-nervituri (ħruq ta’ Sant’Antnin) li affettwatni f’sieqi li tefgħetni f’sodda.  Kienet marda b’uġigħ kbir u b’konsegwenzi fuq il-mobbiltà tiegħi imma li tfiq.  Għalhekk inħoss li nista’ nitkellem b’responsabbiltà dwar dan is-suġġett.  

Bniedem b’saħħtu ma jistax jifhem lill-marid.  Ngħid għalija, waqt li kont marida jien, l-ikbar uġigħ kien dak li nweġġa’ lil min iħobbni l-iktar. Naħseb illi marid kroniku, b’uġigħ u kundizzjoni oħra li timpedih milli jieħu ħsieb tiegħu innifsu mqar minimalment, u li jaf li m’hemm ebda tama li jfiq, iħoss dan lejn min jieħu ħsiebu.

Fil-każ ta’ suwiċidju li esperjenzajt mill-bogħod is-sena l-oħra, ħabib komuni tal-persuna li mietet, spontanjament qalli “aħjar ewtanasja … biex sabitu l-mara … kien kif kien … u rrovinalha ħajjitha għal dejjem”.  Ma’ dawn il-kliem, għall-ewwel darba ndunajt, illi minflok ma wieħed iqabbel l-ewtanasja ma’ mewt, wieħed jista’ jqabbilha ma’ suwiċidju.  Minflok alternattiva għall-mewt, alternattiva għal suwiċidju.

Tikteb Lorna Vassallo

U bil-mod bdejt inqabbel iż-żewġ xenarji.  Fil-każ tas-suwiċidju l-persuna tippjanah waħedha u ma tista’ tgħid u tavża lil ħadd.  Tant hu hekk, illi min ikun jaf li se jseħħ suwiċidju u ma jwaqqfux jinstab ħati ta’ reat.  Fil-każ tas-suwiċidju wkoll, normalment tkun il-familja tal-vittma li ssib lill-mejjet u dan tista’ tagħmlu biss b’xokk kbir. Huwa inevitabbli, għalhekk, illi l-familja kollha tibqa’ ħajjitha kollha xxukkjata b’dak li ġara, thewden jekk setgħetx tagħmel xi ħaġa biex tevitah jew jekk kellhiex xi tort. 

B’differenza, fil-każ tal-ewtanasja, il-persuna li qed tikkontempla din it-triq tista’ tiddiskuti ma’ tal-familja u tavżahom.  U tmut b’iktar dinjità. Il-familja tagħha ma għandhomx għalfejn jaraw lill-mejjet/mejta b’ħasda.  Jistgħu jiddiskutu r-raġunijiet għal xiex i/trid it(t)emm ħajtu/ħajjitha u wara l-mewt il-familja ma jkollhiex għal xiex tgħix l-inkubu li tipprova tifhem jekk kellhiex xi parti mit-tort ta’ li ġara.  Barra minn hekk, meta wieħed jiddiskuti jista’ wkoll jikkonvinċi lil min qed jikkontempla ewtanasja biex din ma ssirx.

Għall-istat ukoll l-affarijiet huma eħfef. Ebda pulizija ma jrid jiffaċċja persuna mgħallqa jew fi stat ieħor li fiha nnifisha hija sfida psikoloġika għall-pulizija. M’hemm bżonn ta’ ebda inkjesta għalkemm tajjeb wieħed jgħid li jekk naqbel mal-ewtanasja, il-proċedura għandha tkun waħda oneruża ferm li tassikura li hija verament ix-xewqa tal-persuna li ser tmut li fil-fatt tmut.  Nerġa’ ntenni hawnhekk li jien qed nitkellem biss dwar każijiet estremi – mhux każijiet fejn il-persuni huma b’saħħithom jew b’mard li jfiq, bla uġigħ jew li jħalli l-persuna tgħix b’mod indipendenti imqar limitatament.  Lanqas ma jien nitkellem dwar persuni li ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom għal ewtanasja. Jew persuni li minkejja l-kundizzjonijiet kollha jixtiequ jibqgħu jgħixu.

Il-mewt hija dejjem suġġett tqil.  Iżda bl-esperjenzi tal-2022, nemmen li fhimt biċċa oħra mill-misteru tal-ħajja u tal-mewt.  Jista’ jkun li meta aħna nqabblu l-ewtanasja ma’ mewt ‘normali’ forsi nkunu qed niżbaljaw. Hekk l-ewtanasja tiġi ferm kundannabbli.  Iżda jekk naraw l-ewtanasja bħala mod kif wieħed jevita suwiċidju b’membri tal-familja li jsibu l-vittma fl-agħar mumenti tiegħu, il-perspettiva tieħu dimensjoni oħra. 

Bħal dejjem, il-ħajja mhix biss abjad u iswed.  Għandna nippromwovuha f’kull ħin u jekk hemm mod wieħed kif intawluha u ntaffu l-uġigħ għandna niddedikaw l-enerġija kollha tagħna għal hekk.  Iżda, jibqa’ dejjem persentaġġ assolutament żgħir li jista’ jagħżel li l-ewtanasja hija soluzzjoni aħjar minn suwiċidju.  Jekk xejn il-marka tal-ewtanasja fuq il-psike ta’ min jibqa’ wara hija ferm inqas minn fuq il-familja wara suwiċidju mhux mistenni li jiftaħ ferita fonda li diffiċli tagħlaq.

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Ekonomija

Sport