Wednesday, December 25, 2024

Eżami tad-dħul fl-aħħar ta’ Awwissu biex studenti jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Riċentament, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tellgħet avviż fuq il-midja soċjali, fejn spjegat li fl-aħħar ta’ Awwissu t-tfal li jridu jidħlu f’din l-iskola jridu jpoġġu għal eżami tal-Matematika, tal-Ingliż u tal-Malti biex ikunu jistgħu jintgħażlu. 

Dan l-avviż qajjem xi ftit tad-diskussjoni, hekk kif kien hemm min staqsa kif it-tfal se jintalbu jagħmlu eżami meta bħalissa mhux qed jitgħallmu b’mod normali u mhux neċessarjament kulħadd qed jieħu l-istess ammont ta’ lezzjonijiet daqs ħaddieħor. Għalhekk kien hemm min staqsa jekk minflok eżamijiet setgħux ittieħdu l-marki ta’ nofs is-sena jew inkella setax ġie użat xi tip ta’ assessjar. Issemma wkoll li fi skola oħra li taħdem fuq l-istess prinċipji, jiġifieri dik tal-Malta Visual and Performing Arts, l-eżamijiet mhux qed isiru. 

Għaldaqstant, tkellimna mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol li rreferewna għall-pjan nazzjonali li tfassal minħabba ċ-ċirkostanzi tat-tixrid tal-Coronavirus. 

Dan hu disponibbli minn https://newsbreak.edu.mt/2020/04/03/pubblikazzjoni-ta-pjan-shih-mistoqsijiet-u-twegibiet/?fbclid=IwAR1WwslAkSRG8fM7OXbQrcyQxOfehIYQxgayAxWXuwUCbDV6gcwY9W_QYqA

Kelliem spjegalna li dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport hemm qbil li fir-rigward tad-dħul għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport, il-kriterji li ntużaw fis-snin preċedenti se jerġgħu jiġu applikati għas-sena skolastika li jmiss. Spjega li din is-sena mhux se jkun hemm riżultati tal-eżamijiet tal-benchmark u allura għas-sena skolastika li jmiss dawn mhux se jkunu kkonsidrati għad-dħul għal dawn l-iskejjel. 

Madankollu, hu qal li lejn tmiem Awwissu jew inkella fil-bidu ta’ Settembru, se jsir eżami għad-dħul fil-Matematika, fl-Ingliż u fil-Malti għall-applikanti. Saħaq li dan l-eżami se jkun ibbażat fuq is-sillabur ta’ Year 6, filwaqt li din is-sena se tkun ikkonsidrata l-interruzzjoni li kien hemm minħabba l-għeluq tal-iskejjel. 

Il-kelliem qal li se jkunu qed jintbagħtu aktar dettalji lill-applikanti fiż-żmien li jkun xieraq. Barra hekk, qal li l-istess kriterji se jkomplu jiġu applikati għad-dħul li jmiss u r-riżultat tal-eżami tad-dħul se jieħu post dak tal-benchmark. Żied jgħid ukoll li l-istess proċedura tapplika għad-dħul f’Year 9 tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

Ekonomija

Sport