Thursday, August 28, 2025

Eżekuttiv ġdid ta’ Nisa Laburisti b’Nikita Alamango kkonfermata bħala President

Il-President tal-PL jgħid li NL hija essenzjali għall-bidlet li qed isiru fil-pajjiż

Aqra wkoll

Nisa Laburisti (NL) għandha eżekuttiv ġdid, b’Nikita Alamango kkonfermata bħala President ta’ din il-fergħa għas-sentejn li ġejjin.  Il-laqgħa ġenerali annwali ta’ NL saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.

L-eżekuttiv il-ġdid ta’ NL huwa magħmul minn 7 membri oħra li huma: Jennifer Tabone – Segretarju Eżekuttiv, Elenia Desira – Finanzi, Pearl Agius – Edukazzjoni, Yana Debono Grech – Azzjoni Pożittiva Opportunitajiet Indaqs, Michelle Scerri – Relazzjonijiet Kumitati Nisa, Sarah Haider –Nisa Laburisti Għawdex, u Claudette Spencer – Bilanċ Xogħol u Familja.

Il-laqgħa ġenerali annwali kienet indirizzata mill-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras iddeskriva dawn il-laqgħat ġenerali annwali bħala importanti għax huma okkażjonijiet li jibnu l-partit li nemmnu fih.  Sostna li t-tiġdid li qed jgħaddi minnu l-Partit Laburista bħala reali u li NL hija waħda mill-fergħat essenzjali għall-bidlet li qed isiru fil-pajjiż.  

Spjega kif il-mixja għall-ugwaljanzja hija sinonima ma’ dan il-partit u kulħadd qed jirrikonoxxi li l-maġġor parti tan-nisa laħqu l-indipendenza finanzjarja, filwaqt li żdied sostanzjalment l-ammont ta’ nisa fis-suq tax-xogħol.  Qal li bis-saħħa tal-mekkaniżmu adottat fil-Parlament għall-bilanċ fil-ġeneru hemm iktar rappreżentanti nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u dan huwa wieħed mill-isforzi li qed isiru biex iktar nisa jkunu nvoluti fil-politika. 

Dr Sciberras qal li l-liġijiet inbidlu imma l-kultura għadha ma nbidlitx u għalhekk jeħtieġ fergħa tan-nisa iktar b’saħħitha iktar minn qatt qabel, biex NL jkollha vuċi li żżomm il-partit ħaj.  Appella biex waħda mill-prijoritajiet tal-eżekuttiv il-ġdid ta’ NL għandha tkun li l-Partit Laburista jkompli jaħdem għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.

Is-Sinjura Alamango qalet li din hija okkażjoni ta’ riflessjoni fuq dak li twettaq minn din il-fergħa fis-sentejn ta’ qabel u x’hemm bżonn isir fit-terminu li ġej.  Sostniet li NL tat kontribut b’opinjonijiet u suġġerimenti fuq temi varji li jolqtu lin-nisa fis-soċjetà.  Qalet li jeħtieġ li l-vuċi ta’ NL tkompli wkoll issemma’ leħinha dwar suġġetti oħrajn, fosthom it-teknoloġija u kwistjonijiet li qed jiddominaw fix-xena internazzjonali.  Appellat biex iktar nisa jinvolvu ruħhom f’NL biex il-Partit Laburista jibqa’ b’saħħtu u relevanti maż-żminijiet tal-lum.

Matul il-laqgħa ġenerali annwali ġew ippreżentati r-rapport amministrattiv u r-rapport finanzjarju.  Kien ippreżentat ukoll ir-rapport tal-kummissjoni elettorali.  B’hekk it-tliet fergħat tal-Partit Laburista – Żgħażagħ Laburisti, Veterani Laburisti u issa wkoll Nisa Laburisti għandhom eżekuttiv ġdid li t-terminu tiegħu jiskadi sentejn oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport