Sunday, November 10, 2024

Eżekuttiv tal-MFA: Diskussa l-qagħda ta’ Pembroke Athleta

Aqra wkoll

Il-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA l-bieraħ ltaqa’ permezz ta’ konferenza bil-video biex tiġi diskussa s-sottomissjoni ta’ Pembroke Athleta SC tal-applikazzjoni tagħhom għal liċenzja fil-kategorija Amateur u l-impatt tagħha fuq il-kampjonat nazzjonali. 

Bi status ta’ Amateur il-club ikollu jipparteċipa fin-National Amateur League. F’dan il-proċess se jinħoloq post vakanti wieħed għall-istaġun 2022/23 fil-Premier League u ieħor fiċ-Challenge League.

Il-Bord studja r-regolamenti rilevanti biex jikkonferma li l-club in kwistjoni seta’ effettivament jagħżel li japplika għal tali liċenzja. Barra minn hekk, irrefera għar-regolamenti li jirregolaw l-impatt ta’ tali post battal u l-mod kif għandu jimtela. Skond l-Artikolu 5 tar-Regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet meta jkun hemm post vakant fi kwalunkwe diviżjoni, dan għandu jimtela minn min kien relegat sportivament. 

Bl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, Santa Lucija FC ikollhom id-dritt biex jieħdu post Pembroke Athleta SC fil-Kampjonat Premier filwaqt li Vittoriosa Stars FC ikollhom id-dritt li  jieħdu l-post vakanti fiċ-Challenge League maħluq min-nuqqas ta’ relegazzjoni ta’ Santa Lucija FC.

Vittoriosa Stars FC temmew iċ-Challenge League 2021/22 fid-disa’ post minn 11-il club fi Grupp A, fejn ipparteċipaw Pembroke Athleta.

F’konformità ma’ din il-pożizzjoni, il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, spjega li l-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv kienet limitata għall-kompożizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali. Dan jiġi kkonfermat ladarba l-iskadenza għall-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-clubs tintlaħaq, fl-1 ta’ Lulju.

Sport