Sunday, December 22, 2024

Eżenzjoni mill-VAT fuq apparat assistiv mixtri minn għaqdiet volontarji

Aqra wkoll

Bl-iskop li tkompli tissaħħaħ l-aċċessibbiltà u l-għajnuna għal individwi b’diżabilità, tħabbret it-tneħħija tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fuq apparat assistiv mixtri mill-għaqdiet volontarji biex jipprovdu appoġġ kruċjali lill-persuni b’diżabilità. Dan l-apparat essenzjali se jkun suġġett għal VAT b’rata żero meta jiġi akkwistat mill-NGOs.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fil-preżenza tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tissimplifika l-aċċess għal teknoloġija assistiva kruċjali billi ttaffi l-piżijiet finanzjarji kemm fuq l-NGOs kif ukoll fuq l-persuni li qed jagħmlu użu minn dan it-tagħmir.

Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-gvern għall-inklussività u l-aċċess ekwu għar-riżorsi essenzjali. Billi jinċentiva l-provvista ta’ apparat ta’ assistenza permezz tal-għaqdiet volontarji, il-gvern qed jimpenja ruħu li jkompli jrawwem ambjent aktar aċċessibbli u ta’ appoġġ għal individwi li jiffaċċjaw diżabilità.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif din id-deċiżjoni se tfisser li aktar għaqdiet volontarji li qed joffru għajnuna kruċjali lill-persuni b’diżabilità, se jkunu f’pożizzjoni li jixtru aktar apparat biex jgħinu aktar nies.

“Din l-għajnuna ma tibdiex u tispiċċa mal-flus iżda se tfisser li dawn l-għaqdiet se jkollhom f’idejhom aktar likwidità biex ikunu jistgħu jgħinu aktar nies. Tajjeb li niftakru kif dan l-apparat mhux wieħed ta’ kumdità iżda essenzjali biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod sħiħ fil-komunità,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

It-tagħmir li jikkwalifika minn din l-eżenzjoni jvarja minn apparat elettroniku interattiv għall-pacemakers. Il-lista ta’ tagħmir eliġibbli u aktar dettalji dwar din il-miżura jistgħu jinstabu fuq bit.ly/4bYFclP.

L-għaqdiet li japplikaw jeħtieġ li jkunu reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji kif ukoll mal-Kummissarju tat-Taxxi.

Ekonomija

Sport