Thursday, December 26, 2024

F1: Carlos Sainz iwaqqaf id-dominanza ta’ Max Verstappen

Aqra wkoll

Is-sewwieq Spanjol tal-Ferrari, Carlos Sainz, rebaħ il-Grand Prix ta’ Singapore b’sewqan mill-aktar intelliġenti u mequs biex waqqaf is-sensiela ta’ 10 rebħiet konsekuttivi tal-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull). 

Sainz illidja t-tiġrija b’mod espert sa mill-bidu tagħha filwaqt li Verstappen kellu jissielet biex temm fil-ħames post wara li beda mill-11-il pożizzjoni biex għall-ewwel darba f’din is-sena naqas li jitla’ fuq il-podju. 

Din it-tiġrija kellha tmiem drammatiku hekk kif Sainz irreġistra ħin ta’ 1:46:37.418 u għeleb lill-Britanniku, Lando Norris (McLaren) b’0.812 ta’ sekonda li kien segwit mill-kompatrijott tiegħu, Lewis Hamilton (Mercedes) b’0.457 ta’ sekonda aktar. 

Hamilton spiċċa fit-tiele post minħabba li l-kollega tiegħu George Russell kellu aċċident fl-aħħar dawra. 

Russell u Hamilton daħlu fil-pit stop tard għal tyres friski u ppruvaw jattakkaw lil Sainz u Norris iżda mingħajr suċċess. 

Mal-aċċident ta’ Russell kellha toħroġ is-safety car biex waqqfet għal kollox l-attakka ta’ Verstappen biex ir-rekord tiegħu waqaf san-numru 10. Iżda huwa qed igawdi vantaġġ ta; 151 punt f’ras il-klassifika u miraklu biss irid ikun biex jitlef it-titlu.  

Din kienet it-tieni rebħa ta’ Sainz wara li għamel dan fil-Grand Prix ta’ Silverstone, is-sena li għaddiet. 

Fir-raba’ u fis-sitt post temmew is-sewwieqa ta’ Monaco Charles Leclerc (Ferrari) u l-Franċiż Pierre Gasly (Alpine) rispettivament. 

Klassifika ġenerali (ta’ fuq): 374 – Max Verstappen; 223 – Sergio Perez; 180 – Lewis Hamilton; 170 – Fernando Alonso; 142 – Carlos Sainz; 123 – Charles Leclerc; 109 – George Russell.

Ekonomija

Sport