Is-sewwieq Britanniku tal-Formula Wieħed, Lewis Hamilton (Mercedes) il-bieraħ wera verament il-potenzjal tiegħu bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa ta’ kull żmien meta rebaħ il-Grand Prix tal-Brażil, fiċ-ċirkwit ta’ Interlagos.
Din minħabba li huwa beda mill-għaxar pożizzjoni wara li ngħata penalitá ta’ ħames postijiet u saħansitra ġie skwalifikat mill-Isprint finali tas-Sibt li għadda bil-konsengwenza li ħadd ma tah ċans li seta’ jitla’ fuq il-podju.
Iżda kontra kull mistenni huwa rebaħ din it-tiġrija b’mod mill-aktar brillanti. Iċ-champion renjanti, li qed jimmira li jirbaħ t-tmiem titlu tal-karriera u jikser rekord, deher determinat mill-bidu biex b’hekk żamm it-tamiet ħajjin li jirbaħ dan il-kampjonat hekk kif naqqas id-distakk għal 14-il punt fil-konfront tal-leader Max Verstappen (Red Bull).
Mal-40 dawra (minn 71), is-sewwieq Olandiż kien fl-ewwel post u fit-48 dawra, Hamilton resaq ferm viċin li jaqbeż fl-ewwel post iżda Verstappen xeħet il-karrozza fuq is-sewwieq Ingliż bil-konsegwenza li dan tal-aħħar ħareġ mit-trakka. Peró Hamilton baqa’ ffukat u proprju fid-59 dawra rnexxielu jgħaddih biex rebaħ f’ħin ta’ 1:32:22.851.
Meta fadal tliet tiġrijiet – Qatar, Saudi Arabja u Abu Dhabi, Verstappen għandu 332.5 punti filwaqt li Hamilton għandu 318.5.