Sunday, November 24, 2024

F1: Max Verstappen ikabbar il-vantaġġ fil-quċċata

Aqra wkoll

Is-sewwieq tal-Formula Wieħed, l- Olandiż Max Verstappen (ritratt), rebaħ il-Grand Prix tal-Ungerija li sar fiċ-ċirkwit ta’ Hungaroring fil-belt ta’ Mogyorod, biex irreġistra s-seba’ rebħa kosekuttiva u fl-is­tess waqt għen lir-Red Bull jiksru r-rekord ta’ 12-il reb­ħa nfila. 

Ir-rekord kien ta’ 11-il rebħa wara xulxin, stabbilit mill-McLaren fl-1988 miż-żewġ sewwieqa leġġendarji,  Ayrton Senna u Alain Prost.

Verstappen rebaħ din it-tiġrija f’ħin ta’ 1:38:08.634 biex issa kabbar il-vantaġġ għal 110 punti fuq l-eqreb rival tiegħu, li inċidentalment huwa l-kollega tiegħu, il-Messikan Sergio Perez. 

Sa mill-bidu tat-tiġrija, l-Olandiż mill- ewwel ħa l-vantaġġ hekk kif qabeż lill-Britanniku, Lewis Hamilton (Mercedes) li beda mill-pole position. 

Fit-tieni post temm il-Britanniku, Lando Norris (McLaren) … 33.731 sekondi wara Verstappen. 

Huwa kien segwit minn Perez, li permezz tat-tielet post tela’ fuq il-podju. 

Hamilton iddiżappunta bil-kbir minħabba li kellu jikkuntenta bir-raba’ post. Huwa kien segwit mill-Awstraljan, Oscar Piastri (McLaren), il-Britanniku George Russell (Mercedes), u ż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari, dak minn Monaco, Charles Leclerc, u l-Ispanjol Carlos Sainz. 

Il-klassifika ġenerali hija (ta’ fuq): 281 – Max Verstappen; 171 – Sergio Perez; 139 – Fernando Alonso; 133 – Lewis Hamilton; 90 – George Russell. 

Sport