Is-sewwieq Olandiż tal-Formula Wieħed, Max Verstappen (Red Bull) sostna li r-rebħ tat-tielet titlu mondjali tiegħu, issiġillat fit-tiġrija tal-isprint tal-Grand Prix tal-Qatar, huwa “l-aqwa tiegħu”.
Verstappen spiċċa t-tieni wara l-Awstraljan, Oscar Piastri (McLaren) biex aċċerta li ma jistax jintlaħaq meta fadal sitt Grands Prix oħra fi staġun li ddominah għal kollox.
Kien it-tielet kampjonat konsekuttiv tiegħu wara rebħiet fl-2021 u fl-2022.
Verstappen qal: “L-ewwel waħda kienet l-aktar emozzjonali – dak huwa meta l-ħolm tiegħek jitwettaq. Din kienet l-aqwa sena tiegħi.”
L-Olandiż qal li ħass li kien qed isuq fuq livell ġdid f’dan l-istaġun meta mqabbel mal-istadju bikri fil-karriera tiegħu – fehma kondiviża minn ħafna fi ħdan l-isport.
“Xi kultant ma nkunx kuntent bil-prestazzjoni jew kif ikunu sejrin il-jiem tal-perjodu tat-tiġrijiet, iżda dejjem nipprova nkun perfett,” qal Verstappen. “Dejjem nipprova nkun aħjar kull tmiem il-ġimgħa meta mmur intellaq.
“Jien nanalizza l-prestazzjoni tiegħi ta’ kull tiġrija wara l-oħra u l-istess din is-sena. Huwa għalhekk li naħseb li din is-sena fir-rigward tal-prestazzjoni hija definittivament l-aħjar waħda.”
Dan it-tielet rebħ tal-kampjonat ipoġġi lil Verstappen ugwali ma’ leġġendi ta’ dan l-isport bħal Ayrton Senna, Niki Lauda, Jackie Stewart u oħrajn, u ta’ 26 sena għandu l-potenzjal li jkompli jikser ir-rekords ta’ kull żmien ta’ rebħiet u r-rebħ tal-kampjonati li għandu l-Britanniku, Lewis Hamilton.
Huwa qal li din il-kisba u dan is-suċċess huma xi ħaġa immensa u kienu “xi ħaġa li qatt ma ħlomt biha … u li għadni noħlom – huwa mument kburi għalija nnifsi kif ukoll għall-familja tiegħi”.