Sunday, November 24, 2024

F’10 snin ġew irreġistrati u ħadu t-trattament kważi 200 pazjenti bl-etajiet taħt il-21 sena

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Settembru huwa ddedikat lit-tfal morda bil-kanċer u f’Malta l-ħidma għal dawn il-pazjenti u anke l-familji tagħhom, hija waħda mifruxa fuq diversi binarji b’dak tas-saħħa li jkopri servizz ħolistiku offrut mid-Dipartiment ġewwa ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC). Rigward is-servizz ta’ kura tal-kanċer fost it-tfal, tkellimna mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne fejn spjega kif dan id-Dipartiment, li jikkura u jassisti lill-pazjenti ċkejknin tagħna, huwa maħsub biex jipprovdi servizz sigur, sostenibbli u ta’ kwalità għolja li jaqdi l-bżonnijiet kollha tagħhom. 

F’Malta l-aktar tipi ta’ kanċer komuni fost persuni bl-etajiet ta’ bejn iż-żero u l-21 sena huma tal-lewkimji u sindromi majelodisplastiċi, segwit minn dak tal-limfomi u fit-tielet post hemm dak tal-moħħ u tas-sistema nervuża. Minn statistika mogħtija mill-Ministeru tas-Saħħa, bejn l-2010 u l-2020 (l-informazzjoni tal-2020 għadha proviżorja), il-pazjenti f’din il-faxxa ta’ età rreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer (MNCR) li ħadu trattament kienu 194. L-akbar ammont f’sena kien ta’ 23 pazjenti u dan kien rreġistrat kemm fl-2011, kif ukoll fl-2015. Min-naħa l-oħra, is-sena 2012 kellha l-inqas ammont ta’ pazjenti b’total ta’ 12-il persuni taħt il-21 sena morda bil-kanċer.

F’dawn l-10 snin imsemmija, l-aktar li ġew milquta minn din il-marda kienu adoloxxenti ta’ bejn il-15 u d-19-il sena b’61 każ, segwita minn dik fost tfal ta’ bejn iż-żero u l-erba’ snin b’total ta’ 50 pazjenti. L-inqas milquta kienu dawk ta’ 20 sena fejn kienu 15-il pazjenti li ġew irreġistrati u ħadu trattament. Mentri, il-każijiet ta’ kanċer fost iż-żewġ sessi f’dawn l-etajiet, kienu ta’ 100 femminili u 94 maskili.

Għajnuna biex jirritornaw lura fir-rutina ta’ kuljum…

Grazzi għas-servizz ta’ kura lokali, kif ukoll meta jkun meħtieġ barra minn Malta, lokalment ir-rata ta’ fejqan tal-kanċer fost it-tfal hija ta’ 80%. Din ir-rata ta’ suċċess għolja tqawwilna qalbna fil-ġlieda kontra din il-marda kiefra li m’għandhiex età partikolari meta tattakka.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal lil dan is-sit li t-tim ta’ professjonisti multidixxiplinarji ta’ SAMOC, mhux biss joffri l-aqwa kura possibbli, iżda joffri wkoll servizzi ta’ appoġġ lit-tfal u l-adoloxxenti, kif ukoll lill-familjari tagħhom tul il-ġlieda kontra l-kanċer. Huwa żied jgħid li l-għajnuniet lil dawn il-pazjenti jibqgħu jingħataw anke wara li l-pazjenti jkunu rebħu din il-ġlieda. Dan bil-għan li jgħinuhom jirritornaw lura fir-rutina ta’ kuljum. 

Il-Ministru Fearne infurmana wkoll li t-total ta’ pazjenti li ddaħħlu għall-kura fir-Rainbow Ward f’SAMOC bejn l-2017 u l-2021 kienu 79 u li fi tmiem l-2019 dan il-ward sar “Paediatric and Adolescent Ward” fejn l-etajiet tal-pazjenti fih ġew estiżi biex jilqa’ dawk ta’ bejn iż-żero u l-21 sena. 

Ta’ spalla fil-mumenti diffiċli

Fost dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn ta’ trattamenti barra minn Malta, l-Awtoritajiet tas-Saħħa żiedu l-għajnuna għall-familji milquta bi ħlas ta’ titjiriet kemm għat-tfal morda, kif ukoll għaż-żewġ ġenituri. Barra minnhekk, il-Ministru Fearne qal li fi ftehim li ġie ffirmat ma’ Puttinu Cares, qiegħda tingħata għotja mill-Gvern ta’ £70 għal kull lejl lill-pazjenti biex ikopri spejjeż ta’ akkomodazzjoni u faċilitajiet f’Sutton.

“Min hawn nixtieq infaħħar id-dedikazzjoni tal-ħaddiema kollha ta’ SAMOC, filwaqt li nikkommetti ruħi li nibqgħu noffru l-aqwa servizzi u riżorsi lill-pazjenti kollha tal-onkoloġija, b’mod partikolari lit-tfal. Il-ġenituri ta’ dawn il-pazjenti se jkomplu jsibuna ta’ spalla f’ dawn il-mumenti diffiċli għal familthom,” temm il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne.

Sport