Saturday, November 23, 2024

F’24 siegħa iktar minn 119-il persuna mietu kawża tal-għargħar fil-Pakistan … bżonn ta’ għajnuna urġenti

Aqra wkoll

Il-Pakistan qiegħed jappella għal iktar assistenza internazzjonali hekk kif għargħar qawwi kompla jolqot partijiet minn dan il-pajjiż fejn għadd ta’ persuni kellhom jitilqu minn djarhom. 

In-numru ta’ persuni mejta kawżata tal-monsoon issa tela’ għal 1,033, b’119 imutu fl-aħħar 24 siegħa. Uffiċjali tal-Pakistan qalu li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Emirati Għarab Magħquda – fost oħrajn – irrispondew għat-talbiet ta’ għajnuna iżda tennew li għandhom bżonn ħafna iktar. L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li l-gvern tal-pajjiż qiegħed jagħmel dak kollu possibbli biex jgħin. 

Il-Ministru tal-Intern tal-Pa­kistan Salman Sufi, meta kien qiegħed jitkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet BBC, qal li l-pajjiż jinsab iddisprat għall-għajnuna internazzjonali. Sufi qal li, “il-Pakistan ilu żmien jissielet ma’ problemi ekonomiċi, u issa hekk kif dawn kważi ġew megħluba l-pajjiż spiċċa ntlaqat minn diżastru tal-monsoon.” Il-Ministru tenna li ħafna mill-flus li kienu ddedikati għal proġetti ta’ żvilupp issa se jkunu qegħdin jingħataw lin-nies milquta. 

Fil-Majjistral tal-pajjiż għexieren ta’ eluf ta’ persuni kellhom jitilqu minn djarhom u dan hekk kif għadd ta’ xmajjar fil-provinċja Khyber Pakhutunkhwa faqgħu l-ilqugħ tagħhom u ammont kbir ta’ ilma spiċċa biex għarraq l-irħula tal-madwar. Apparti hekk, il-provinċja ta’ Sindh fix-Xlokk tal-pajjiż ukoll sfat milquta b’mod qawwi b’dan għargħar tant li eluf ta’ persuni kellhom ukoll iħallu djarhom. 

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru tal-pajjiż Shehbaz Sharif qal li b’kollox 33 miljun persuna sfaw milquta minn dan l-għargħar, li dan ifisser 15% tal-popolazzjoni. Huwa tenna li l-telf li ġarrab il-pajjiż f’dan għargħar huwa simili għal dak li kien sofra lura fl-2010-11, li huwa l-agħar wieħed fl-istorja. 

L-uffiċjali tal-pajjiż qed jgħidu li t-tibdil fil-klima qiegħed iwassal għal din id-devastazzjoni, iżda oħrajn qegħdin jitfgħu parti kbira mill-ħtija fuq l-ippjanar tal-gvernijiet lokali fejn skonthom ħafna bini ġie mibni f’żoni li huma suxxettibbli għall-għargħar staġjonali.

Sport