Fi tmiem din il-ġimgħa l-Premier League Ingliż se jingħata l-ġenb biex jagħmel il-wisgħa għall-ħames round tal-FA Cup meta fiha għad fadal 14-il team mill-istess kampjonat, 11 miċ-Championship, erbgħa minn League One, tnejn minn League Two u wieħed li mhuwiex fil-league.
L-iktar kompetizzjoni ta’ knock-out li ilha teżisti fil- football tant li dan huwa l-145 staġun tagħha, baqgħet interessanti sal-lum il-ġurnata bis-sorpriżi mit-timijiet iż-żgħar ma jonqsux kważi f’kull staġun.
Il-programm beda l-bieraħ b’żewġ logħbiet b’Chelsea biss ikunu mill-Premier League u t-tlieta l-oħra miċ- Championship.
Burton A. v West Ham U. – L-ewwel fl-azzjoni llum se jkunu Burton ta’ League One u West Ham. Din m’għandhiex tkun ta’ostakolu għall- Hammers meta Burton jinsabu fiż-żona l-ħamra meta llum jinsabu taħt il-manager Gary Bowyer li għadu kif ħa l-kariga mingħand Nigel Clough, it-tifel li kulħadd jaf ta’ min hu … ta’ ħadd iktar mill-famuż Brian.
Burnley v Mansfield T. – Din hija logħba oħra li se tlaqqa’ team mill-Premier kontra ieħor ta’ League One. Iżda hawn qed jiġri l-kuntrarju għax il-Clarets jinsabu fil-periklu tar-relegazzjoni u Mansfield trankwilli ‘l fuq fil-klassifika.
Burnley se jinżlu bil-kuraġġ wara li nhar l-Erbgħa dawru telfa f’rebħa meta kienu barra minn darhom kontra Crystal Palace (3-2).
Man City v Salford C. – Din hija logħba faċli għall-finalisti tas-sena l-oħra, Manchester City, li se jkunu home kontra Salford City li huma bbażati fi Greater Manchester.
Norwich C. v WBA – Din il-logħba bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel taċ-Championship se tintlagħab f’Carrow Road bil- Canaries huma l-favoriti kemm bil-vantaġġ tal-ground u anke qed igawdu ħames punti vantaġġ fuq l-Albion li jinsabu żewġ punti biss fuq it-tielet team mill-aħħar fil-klassifika.
Port Vale v Bristol C. – Is-City se jibdew b’vantaġġ psikoloġiku kbir meta se jmorru għand Port Vale li jinsabu fl-aħħar post ta’ League One, 11-il punt bogħod mis-salvazzjoni.
Is-City jinsabu fit-tmien post punt bogħod mill-play-offs għall-promozzjoni.
Southampton v Leicester C. – Żewġ rebbieħa tal-passat, Southampton lura fl-1976, u Leicester ferm riċenti, fl-2021, meta għelbu lil Manchester United u Chelsea rispettivament. Iż-żewġ timijiet qed jokkupaw pożizzjoni kuntrastuża għax s-Saints huma barra l-play-offs b’punt u l-Foxes barra miż-żona l-ħamra bid-differenza tal-goals.
Aston Villa v Newcastle U. – Il-Villa qed ikollhom staġun mill-aqwa iżda minkejja li se jkunu home l-avversarji tagħhom, Newcastle United, għandhom ikunu avversarji diffiċli.
Liverpool v Brighton – Iċ-champions Liverpool se jkunu f’Anfield biex jilqgħu lil Brighton li ġeneralment dejjem jagħtuhom logħba diffiċli kemm home kif ukoll away.
Birmingham C. v Leeds U. – It-team taċ-Championship, Birmingham, se jilqa’ lil Leeds tal-Premier League f’St Andrew’s b’dawn tal-aħħar huma l-favoriti li jgħaddu meta qed jagħtu logħba lil kulħadd.
Min-naħa tagħhom, is-City, li jinsabu punt biss barra mill-play-offs, jafu jqumu għall-okkażjoni għalkemm il-prijoritá tagħhom hija l-promozzjoni fost l-elite.
Grimsby T. v Wolves – Wara li kienu waqqfu sensiela negattiva twila b’erba’ riżultati pożittivi, Wolves reġgħu lura fejn kienu meta tilfu tliet logħbiet u nhar l-Erbgħa ġew draw 0-0 ma’ Nottingham Forest f’logħba li iktar serqu l-punt milli rebħuh.
Huma se jilagħbu kontra t-team ta’ League Two, Grimsby, li jinsabu fit-tmien post punt barra l-play-offs.
Oxford U. v Sunderland – It-team tan-North-East, Sunderland, li nhar l-Erbgħa sofra l-ewwel telfa home dan l-istaġun kontra Liverpool, għada se jkunu away għand Oxford United taċ-Championship. Il-Black Cats jidhru b’ċans tajjeb li jibqgħu javvanzaw.
Stoke C. v Fulham – Stoke jinsabu fl-14-il post taċ- Championship erba’ punti biss bogħod mill-play-offs iżda quddiemhom hemm seba’ timijiet mifrudin bi tliet punti. Huma se jilqgħu f’darhom lil Fulham li jinsabu f’nofs il-klassifika trankwilli minn kull inkwiet tar- relegazzjoni.
Arsenal v Wigan A. – It-team li l-iktar rebaħ it-tazza, Arsenal, 14-il darba, għandhom jinsew id-diżappunt tad-draw kontra Brentford tal-Ħamis li għadda meta fallew żewġ punti ferm importanti.
Huma se jiltaqgħu kontra Wigan li niżlu t-tielet mill-aħħar f’League One bil-player internazzjonali Malti, id- difensur James Carragher, ikollu l-ikbar logħba tal-karriera tiegħu meta din se ssir fl-Emirates Stadium. Dan iseħħ jekk huwa ma jinsabx imweġġa’ tant li fl-aħħar żewġ logħbiet ma kienx fl- iskwadra.
Macclesfield v Brentford – L-aħħar logħba tal-programm tlaqqa’ lit-team non-league, Macclesfield, kontra Brentford li ġejjin mid-draw imsemmi fuq kontra Arsenal.
Il-Bees huma team li ma jċedi qatt u mixja pożittiva f’din it-tazza taf tarahom jagħmlu bħal ma għamlu Crystal Palace s-sena l-oħra li baqgħu sejrin biex rebħuha għall-ewwel darba.
Macclesfield u Brentford it-tnejn għandhom konnessjoni ma’ Malta.
Tal-ewwel jilagħbu fl-istess kampjonat, in-National League North, flimkien ma’ Southport li magħhom jilgħab l-internazzjonali Malti, Luke Tabone, u lejn it-tmiem tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 Brentford kellhom magħhom lid-difensur internazzjonali Malti wkoll, John Buttigieg.

