Għat-tielet darba din is-sena l-Premier League kellu jagħmel il-wisgħa biex tintlagħab il-ħames round tal-FA Cup li bdiet il- bieraħ u tkompli sat-Tnejn bil-programm tal-kampjonat li kellu jintlagħab fi tmiem din il-ġimgħa ntlagħab f’nofs il-ġimgħa kurrenti.
Dan ir-round se jkun l-ewwel darba li Semi-Automated-Offside-Technology (SAOT) se tintuża fil-logħbiet kompetittivi tal-football Ingliż. L-użu b’suċċess tat-teknoloġija fil-kompetizzjoni, jista’ jippermetti li tiġi implimentata aktar tard fl-istaġun tal-Premier League.
It-teknoloġija se tippermetti li l-proċess tal-offside jitnaqqas għal inqas minn 30 sekonda. Preċedentement il-proċess kien imxekkel bl-uffiċjali tal-VAR kellhom ifasslu linji fuq il-players manwalment b’angoli jkomplu jnaqqsu l-proċess.
It-teknoloġija tuża t- traċċar tal-players, u toħloq linja ta’ offside virtwali, u mbagħad tipproduċi grafika biex jixxandar ir-riżultat tad-deċiżjoni lill-partitarji, lill-uffiċjali u lill-players bl- istess mod. F’dan ir-round jingħata l-ħin barrani u jekk ikun hemm bżonn il-penalties ukoll.
Intant Manchester United avvanzaw u se jiffaċċjaw ripetizzjoni tal-logħba tagħhom tal-FA Cup tal-2023 kontra Fulham fejn rat 15-il minuta mqanqla b’Willian jiċħad opportunità ta’ goal, waqt li l-manager, Marco Silva, kif ukoll Alexandar Mitrovic u l-istess Willian jisfgħu mkeċċija. Dan ix-xenarju ppermetta lill-United jgħaddu għas-semi-finali kontra disa’ players u bla manager għall-Cottagers.
Il-United, rebbieħa tat- tazza s-sena l-oħra meta għelbu lil Manchester City 2-1 se jittamaw li jkunu jistgħu jagħmlu l-istess f’din il-logħba, hekk kif ir-rekord ta’ Fulham kontra r-Red Devils huwa wieħed fqir, b’rebħa waħda biss fl-aħħar 21 laqgħa tagħhom.
Lejn il-qiegħ taċ-Championship, Plymouth Argyle huma l-inqas team klassifikat li fadal fl-FA Cup, li ġejjin wara li għelbu lill-ogħla klassifikati, Liverpool. Li jmiss għalihom m’huma ħadd għajr iċ-champions renjanti tal-Premier League, Manchester City.
Il-manager ta’ Argyle, Miron Mulisic, fisser ir-riżultat kontra Liverpool bħala ‘l-akbar mument’ tal-karriera maniġerjali tiegħu. It-team uża l-kunfidenza ġdida u kompla jogħla fil-klassifika b’rebħiet kbar kontra Millwall u issa baqa’ erba’ logħbiet bla telfa.
Qabel il-vjaġġ ta’ 500 mil lejn l-Etihad Stadium, il-Pilgrims se jkollhom opportunità biżżejjed biex jibnu fuq il-wirjiet tagħhom fil-kampjonat bit-team jilgħab għadd ta’ clubs min-naħa t’isfel tal- klassifika.
Crystal Palace v Millwall – Iż-żewġ timijiet se jiffaċċjaw lil xulxin għall-100 darba fil-kompetizzjonijiet kollha. Il-Lions m’għandhomx rebħa f’ħamsa kontra r-rivali tagħhom ta’ Londra fejn ħadu tliet draws u żewġ telfiet minn meta rebħu 3-0 fl-Ewwel tas-Sena fl-2011.
Il-Palace jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika u meta se jkunu qed jilagħbu f’Selhurst Park m’għandhom ifalli kontra team li jinsab fin-nofs tat-tieni livell.
Preston v Burnley– Din se tkun il-144 laqgħa bejn Preston u Burnley fil-kompetizzjonijiet kollha, biż-żewġ naħat jiffaċċjaw lil xulxin fl- ewwel ġurnata tal-Football League f’Settembru 1888 meta Preston kienu rebħu 5-2. Iżda din hija l-ewwel darba li ż-żewġ timijiet ta’ Lancashire qatt iltaqgħu kontra xulxin fl-FA Cup.
Preston se jkollhom il- vantaġġ tal-ground iżda Burnley jinsabu 26 punt fuqhom u għalhekk id-differenza fil-klassifika tista’ tkun kruċjali.
Bournemouth v Wolves – Bournemouth laħqu l-ħames round tal-FA Cup għas-seba’ darba biss fl-istorja tagħhom, b’erbgħa minn dawn ġejjin minn meta laħqu l-ogħla livell għall-ewwel darba fl-2015. Iċ-Cherries għaddew għall-kwarti-finali darbtejn biss, fl-1956-57 kontra Tottenham u fl-2020-21 kontra Burnley.
Wolves, li rebħu t-tazza erba’ darbiet bl-aħħar okkażjoni tkun fl-1960 kontra Blackburn Rovers (3-0), eliminaw żewġ timijiet taċ- Championship, Bristol City (2-1) u lill-istess Blackburn (2-0) meta kienu qed jilagħbu barra minn darhom.
Man City v Plymouth Argyle – Wara li għelbu lil Brentford u lil Liverpool fit- tielet u fir-raba’ round tal-FA Cup dan l-istaġun, Plymouth qed ifittxu li jsiru l-ewwel team minn barra l-ogħla livell li jelimina lill-oppożizzjoni tal-Premier League fi tliet rounds konsekuttivi minn Wigan fl-2017-18. Dak inhar il-Latics kienu għelbu lil Manchester City 1-0 fil-ħames round. Tgħid l-istorja se tirrepeti ruħha?
Minkejja li s-City ma kellhomx staġun tajjeb, id-differenza fil-klassifiċi hija kbira bit-team jaf x’ġara lill-Bees u lir-Reds fir-rounds preċedenti, u għalhekk jara li ma jiġrilhomx bħalhom.
Newcastle U. v Brighton – William Osula ta’ Newcastle jagħmel medja ta’ goal jew jassisti kull 48 minuta fl-FA Cup, skorja sebgħa u jassisti tlieta f’seba’ dehriet fil-kompetizzjoni (480 minuta).
Din hija logħba miftuħa għal kull riżultat bil-finalisti tal-League Cup, Newcastle, jaraw li japprofittaw mill- vantaġġ tal-ground bi Brighton huma dejjem miftuħa biex jakkwistaw riżultati pożittivi jilagħbu fejn jilagħbu. Infatti l-Magpies jinsabu punt biss fuq is-Seagulls fil- kampjonat.
Man U. v Fulham – Bruno Fernandes ta’ Manchester United kien involut fi 11-il goal fl-aħħar 11-il dehra tiegħu fl-FA Cup, fejn skorja sebgħa u assista erbgħa. Huwa naqas milli jirreġistra goal jew assist fi tnejn minn dawn il-11-il logħba.
Il-United qed jippruvaw jilħqu lil Arsenal b’14-il rebħa waqt li Fulham għadhom qatt ma rebħuha.
Nottm Forest v Ipswich Town – It-Tractor Boys qed jilagħbu fil-ħames round tal-FA Cup għat-tieni darba dan is-seklu, tilfu 1-0 kontra Watford fl-2006-07 qabel. L-aħħar li waslu sal-kwarti-finali tal-kompetizzjoni kien fl-1992-93.
Il-Forest rebħu t-tazza darbtejn, l-aħħar darba fl-1959 kontra Luton Town (2-1) waqt li Ipswich rebħuha darba kontra Arsenal (1-0) fl-1978.