Fi stqarrijiet separati Gzira United u Valletta wrew id-diżaPpunt tagħhom hekk kif il-Malta FA ma laqgħetx it-talba tagħhom biex jiġu posposti s-semi-finali tal-Meridainbet FA Trophy li fil-mument huma skedati għas-Sibt, 4 ta’ April, 2026.
Fl-stqarrija tagħhom Gzira sostnew, li għandhom xejn anqas minn sitt players imsejjħa mat-timijiet nazzjonali; erbgħa mat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena u wieħed mat-team tal-kbar u ieħor ma’ dak ta’ San Marino.
Il-club argumenta li l-fatt li l-players se jkunu ilhom tliet ġimgħat sħaħ ma jitħarġgux mal-club jagħmilha impossibbli li jippreparaw sew bħala team. Il-plejers ta’ Taħt il-21 sena mhux mistennija jirritornaw Malta qabel is-6.00 pm, tal-1 ta’ April, wara vjaġġ ta’ 12-il siegħa wara l-logħbiet fil-Greċja, fis-27 ta’ Marzu, u f’Georgia fil-31 ta’ Marzu, li jfisser li l-iskwadra se jkollha sessjoni ta’ taħriġ waħda biss flimkien qabel il-logħba.
Gżira sostnew li t-talba tagħhom ġiet imblukkata wara oġġezzjoni mill-avversarji tagħhom, Naxxar Lions.
Valletta urew l-istess sentiment ta’ diżappunt għall-fatt li anke huma għandhom xejn anqas minn ħames players imsejħa mat-team nazzjonali Malti.
Il-club Belti qal li huma pproponew aġġustament modest, billi tiċċaqlaq is-semi-finali tagħhom kontra Birkirkara b’jumejn għat-Tnejn, 6 ta’ April. Din it-talba ġiet miċħuda kemm minn Birkirkara kif ukoll mill-Malta FA.
It-team mill-belt kapitali enfasizza li din mhix sempliċiment kwistjoni ta’ konvenjenza iżda kwsitjoni ta’ integrità sportiva, u rrimarkaw li l-players li jirritornaw jumejn qabel semi-finali m’għandhom l-ebda ċans realistiku ta’ preparazzjoni xierqa.
Il-club ta’ Valletta temm jgħid li se jkompli jappoġġa lit-timijiet nazzjonali Maltin iżda jinsisti li dan l-appoġġ m’għandux isir għad-detriment tal-club. Huma qed jappellaw lil Birkirkara biex mill-ġdid jikkunsidraw l-pożizzjoni tagħhom u lill-Malta FA biex taġixxi b’mod responsabbli.

