Hamrun S…………….1
Hibernians……………2
Minn Cristian Muscat
Hibernians ħasdu bil-kbir lil Hamrun Spartans meta għelbuhm bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals jaslu fl-ewwel taqsima, liema skor seta’ saħansitra kien akbar li kieku ma sabux lill-goalkeeper ta’ Hamrun, Henry Bonello, f’vena mill-aqwa li salva diversi goals ċerti matul id-90 minuta.
B’hekk huma kisbu l-passaġġ għall-finali tant mistennija tal-Meridianbet FA Trophy fejn se jkunu qed jaffrontaw lil Birkirkara, li fis-semi-finali ta’ qabel għelbu lil Floriana.
B’hekk indipendentament minn dak li se jkun qed iseħħ fil-finali ta’ nhar il-Ħadd, Hibernians se jkunu qed itemmu l-istaġun fuq nota pożittiva, hekk kif ta’ min wieħed jiftakar li huma temmew il-Malta Premier mirbuħ minn Hamrun fil-Bottom Six, għalkemm żgur li kien jixirqilhom xi ħaġa aħjar.
Ovvjament jekk jirnexxielhom jirbħu din il-kompetizzjoni, li jkun ifisser li jkun irnexxielhom jagħmlu dan għall-11-il darba fl-istorja tagħhom, din tkun iċ-ċirasa fuq il-kejk. B’hekk Hibernians ċaħħdu lil Hamrun milli jiksbu t-treble wara li f’Diċembru li għadda rebħu s-Super Cup u fil-jiem li għaddew iċċelebraw ir-rebħ tal-11-il kampjonat fl-istorja tal-club.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fis-seba’ minuta meta Jovan Cadenovic għadda tajjeb lejn Joseph Essien Mbong li kellu speċi ta’ cross jistampa mal-wieqfa, bil-goalkeeper Spanjol ta’ Hibernians, Pablo Nino Sanchez, maħsud għal kollox u bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-23 minuta, Redon Mihana, xeħet cross fil-baxx mil-lemin, iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob, Hibernians fetħu l-iskor eżattamant man-nofs siegħa logħob meta JURGEN DEGABRIELE b’opportuniżmu liema bħalu, tefa’ ġewwa, bl-azzjoni tibda minn throw-in ta’ Kurt Shaw, bil-ballun jintemm għand il-captain Bjorn Kristensen li venven xutt mid-distanża li ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper internazzjonali ta’ Hamrun, Henry Bonello.
Huma komplew jipressaw u fit-42 minuta rebħu penalty meta Joseph Mbong waqqa’ lil Natha Felici Carvalho fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkarigu ruħu l-iskorer prolifku Brażiljan li kellu staġun mill-aqwa, LUCAS VILLELA LAPERT, li b’eleganza permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Bonello n-naħa opposta.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians komplew bl-istess ritmu u fil-50 minuta, fetħu beraħ lid-difiża avversraja meta Natha Felicio Carvalho kellu x-xutt mill-viċin salvat tajjeb minn Bonello, biex salva goal ċert.
Hamrun wieġbu fil-55 minuta meta Raphael Lopes Silva qabeż lil Sanchez, qabel kellu l-konklużjoni fil-baxx tintemm barra.
Huma komplew jippressaw u meritatament żewg minuti biss wara naqqsu l-margni tal-iskor meta JOSEPH MBONG, dar tajjeb ma’ Rui Bruno Ribeiro u permezzz ta’ xutt fil-baxx għadda l-ballun minn taħt Sanchez, biex b’hekk patta bis-sħiħ għall-penalty li wettaq lejn tmeim l-ewwel taqsima li wassal għat-tieni goal ta’ Hibernians.
Iżda kienu l-Pawlisti li resqu viċin it-tielet goal meta Jurgen Degabriele ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Bonello iżda ra lil dan tal-aħħar idawwar tajjeb f’corner, biex reġa’ salva goal ċert.
U f’botta u risposta, Hamrun resqu qrib il-goal tad-draw fl-64 minuta meta Kroat Roko Prsa kellu daqqa ta’ ras mill-viċin li ntemmet ftit barra.
Il-partita kompliet tisbieħ u fis-67 minuta Lucas Villela Lapert kellu konklużoni fil-baxx salvata minn Bonello b’siequ, biex reġa’ rriżulta bħala strumentali għall-Ħamruniżi.
Hamrun wieġbu fil-71 minuta meta Mbong xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Prsa li iżda mill-viċin sab lil Sanchez attent, li salva tajjeb minn mal-art.
Fl-84 minuta, Hibernians, kellhom f’saqjhom il-ballun tat-tielet goal, meta s-sostitut Alex Bruno De Souza Silva kellu x-xutt fil-baxx salvat tajjeb għal darb’oħra minn Bonello b’siequ, biex reġa’ żamm lit-tim tiegħu fil-partita.
Fid-89 minuta freekick ċentrali ta’ Raphael Lopes Silva għal Hamrun ġie salvat tajjeb għalkemm b’diffikultá minn Sanchez.
Fil-ħin miżjud, tentattiv iddisprat minn Ryan Camenzuli għall-Ispartans, permezz ta’ xutt b’saħħtu mid-distanza ntemm għoli.
Hamrun spiċċaw il-partita jilagħbu b’għaxar players meta tkeċċa permezz ta’ karta ħamra diretta, Ognjen Bjelicic, wara daħla xejn kumplemuntuża fuq player ta’ Hibernians.
Hamrun S.: 1-Henry Bonello, 8-Talison Lui Barboza (5-Sven Xerri 46), 10-Joseph Essien Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas Da Silva, 20-Jovan Cadenovic (25-Ederson Bruno Domingos 64), 27-Ognjen Bjelicic, 28-Redon Mihana (92-Cesar Menacho 81), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli, 99-Raphael Lopes Silva Coach: Winston Muscat
Hibernians: 1-Pablo Nino Sanchez, 3-Rui Bruno Ribeiro, 4-Alfred Silas (21-Alex Bruno De Souza Silva 70), 5-Kurt Shaw, 7-Lucas Vilella Lapert, 8-Khevin Rodrigo Fraga, 9-Natha Felicio Carvalho (23-Matthew Ellul 76), 10-Jurgen Degabriele (14-Dexter Xuereb 70), 11-Bjorn Kristensen (19-Stanislav Sorokin 91), 22-Ilias Apostolos Martinis, 31-Pedro Henrique Nunes Silva Coach: Brano Nisevic
Referee: Trustin Farrugia Cann
Ass. Referees: Mitchell Scerri, Kurt Saliba
Raba’ Uffiċjal: Daniel Casha
Skorers: J. Degabriele 31, L. Villela Lapert pen. 43 (HBS), J. Essien Mbong 57 (HMR)
Tkeċċa: O. Bjelicic 96 (HMR)
Ammoniti: R. Prsa (HMR)