Saturday, December 21, 2024

FA Trophy: Hibernians jikkwalifikaw mal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hibernians …….2

Nadur Y. ………..0

Hibernians kisbu l-passaġġ għall-Aħħar 16 tal-FA Trophy meta għelbu lil Nadur Youngsters bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima.

Kienet rebħa meritata għall-Pawlisti iżda m’ hemmx dubju li n-Nadu­rin, li jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjo­nat Għawdxi, ftit li xejn dehru inferjuri għal Hiber­nians.

Dan għalkemm b’mod gradwali bdiet toħroġ fid- deher l-esperjenza vasta li jippossjedu l-players ta’ Hibernians li għamlet id-differenza kollha.

Kien biss fit-22 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Hiber­nians ikunu huma li joħolqu l- periklu meta Jurgen Degabriele għadda tajjeb  lejn Thaylor Aldama li kellu x-xutt angolat minn ġol-kaxxa jiġi mdawwar f’corner mill-goalkeeper, Steve Sul­tana, bil-ballun jaħbat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.

L-Għawdxin wieġbu se­ba’ minuti wara meta Stefan Cassar kellu xutt minn pożizzjoni djagonali jiġi nnewtalizzat f’corner mill-goalkeeper Matthew Calleja Cremona.

Fis-36 minuta, il-Paw­listi reġgħu heddew meta cross-shot ta’ Jake Grech ġie ppanċjat f’sigurtá minn Sultana.

Huma komplew jippressaw u minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta t-tentattiv ta’ Jurgen Degabriele stampa mal-wieqfa.

Il-pressjoni kienet kol­lha fuq Hibernians u fil-ftuħ tat-tieni taqsima, huma ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fit-53 minuta fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn cross, Jurgen Degabriele, għadda tajjeb lejn is-sostitut DUNSTAN VELLA, li kien ilu biss tmien minuti fil-ground, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa u lill-partitarji Pawlisti f’dellirju ta’ ferħ.

Hibernians issiġillaw ir- rebħa permezz tat-tieni goal li wasal fil-81 minuta meta s-sostitut Hugo Filipe Da Costa Oliveira xeħet cross għan-nofs li sab lil JAKE GRECH li b’xamma kbira għall-goal tefa’ l-ballun wara Sultana.

Fil-ħin miżjud huma setgħu għamluhom tlieta iżda Dunstan Vella mill-viċin ra t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa, biex tilef l-opportunitá li jirreġistra doppjetta personali.

HIBERNIANS: 1-Matthew Calleja Cremona, 3-Ferdinando Apap (23-Christopher Edafe Uzeh 83), 4-Leandro Aguirre, 7-Ayrton Attard (12-Dunstan Vella 46), 8-Jake Grech, 10-Jurgen Dgabariele (70-Hugo Filipe Da Costa Oli­veira 66), 18-Thaylor Aldama (30-Alvaro Muniz Cagarra 76), 19-Joseph Zerafa (22-Gabriel Artiles 76), 20-Andrei Agius, 42-Ali Diakite, 88-Wilfried Domoraud   – Coach: Stefano Sanderra

NADUR Y.: 1-Steve Sultana, 3-Manwel Tabone, 5-Lucas Moreira, 6-Joseph Mario Vella (17-Gabriel Farrugia 76), 7-Ian Xuereb, 8-Joseph Zammit (19-Jordi Parnis 83), 9-Marcelo Barbosa, 10-Stefan Cassar, 11-Ederson Domingos Bruno (24-Gianluca Muscat 88), 13-Gennaro Hili, 95-Judivan Flor Da Silva (22-Lorenzo Atzori 88)   – Coach: Branko Nisevic

REFEREE: Glen Tonna

ASS. REFEREES: Edward Spiteri, Chris Francalanza

RABA’ UFF: Fyodor Zammit

SKORERS: D. Vella 53, J. Grech 81 (H)

AMMONITI: Ħadd

Ekonomija

Sport