Minn Cristian Muscat
Illum u għada jintlagħab ir-Round tal-Aħħar 32 tat-88 edizzjoni tal-FA Trophy fejn il-holders Hibernians jibdew id-difiża tagħhom kontra t-team miċ-Challenge League, Gudja United.
Wara li fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru li għadda ntlagħbu l-ewwel seba’ partiti, b’kollox se jkunu ħadu sehem 39 timijiet li jikkonsistu fi 12 mill-Premier League, 16 miċ-Challenge League, 4 mill-Amateur League One u 7 mill-Kampjonat Għawdxi.
Partita oħra interessanti hija dik bejn iż-żewġ timijiet tal-Premier, Floriana u Marsaxlokk.
Hibernians v Gudja U. – Hibernians jibdew favoriti li jikkwalifikaw għar-round li jmiss meta jaffrontaw lil Gudja United li jinsabu fit-tmien post taċ-Challenge League.
Peró, il-Pawlisti li rebħu dan l-unur għal 11-il darba, iridu juru rispett massimu hekk kif il-Gudjani jimmiraw għal sorpriża.
Dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn f’dak preċedenti, Hibernians kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0, fit-22 ta’ Jannar, 2013.
Floriana v Marsaxlokk – Hija ħasra li f’dan l-istadju wieħed mit-timijiet ta’ Floriana u Marsaxlokk se jiġi eliminat fi stadju daqshekk bikri minħabba li t-tnejn huma qawwija.
Filwaqt li Floriana, li rebħu dan l-unur għal 21 darba, qed jillidjaw il-klassifika tat-Top Six, Marsaxlokk jinsabu fil-ħames post ta’ din il-kategorija.
Fl-erba’ partiti preċedenti, Floriana dejjem ħarġu rebbieħa, bl-ewwel waħda tmur lura għad-9 ta’ Mejju, 1976, meta kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-0.
Pembroke A. v Valletta – Din il-logħba tiftaħ il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa fejn it-team ta’ Valletta, li rebaħ din il-kompetizzjoni għall-14-il darba u jinsab fit-tielet post tat-Top Six tal-Premier League, jilgħab kontra Pembroke Athleta li jinsabu fl-10 post tal-Amateur League 1.
Din se tkun l-ewwel laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet.
St Andrew’s v Gzira U. – Gzira United, li rebħu dan l-unur fl-1972-73, u li jinsabu fil-quċċata tal-Bottom Six, jiltaqgħu kontra St Andrew’s li jinsabu fil-ħames post taċ- Challenge League.
Fl-ewwel round, St Andrew’s għelbu lil Vittoriosa Stars bl-iskor ta’ 3-0.
Din se tkun it-tieni partita bejn iż-żewġ timijiet meta f’dik preċedenti kienu St Andrew’s li ħarġu rebbieħa 4-2 bil-penalties wara draw ta’ 1-1, fl-20 ta’ Jannar, 2016.
Birkirkara v SK Victoria W. – Birkirkara jiffaċċjaw lil SK Victoria Wanderers li jinsabu fil-ħames post tal- Ewwel Diviżjoni Għawdxija u li għal din il-partita għandhom lil Omar Xuereb sospiż.
L-Istripes, li rebħu din il-kompetizzjoni sitt darbiet, jibdew bħala favoriti netti.
Din se tkun l-ewwel partita bejn iż-żewġ timijiet f’din il-kompetizzjoni.
Hamrun S. v Victoria H. – Hamrun Spartans, rebbieħa sitt darbiet ta’ dan l-unur, jilagħbu kontra l-Għawdxin, Victoria Hotspurs, li jilagħbu fl-Amateur League 1 … u li fl-ewwel round eliminaw lil Xagħra United bl-iskor ta’ 3-1.
Din se tkun l-ewwel logħba bejn iż-żewġ timijiet.
Tarxien R. v Għajnsieliem – Tarxien Rainbows li jinsabu fl-aħħar post tal-Bottom Six tal-Premier League jilagħbu kontra l-leaders tal- Ewwel Diviżjoni Għawdxija, Għajnsielem li fil-passat qatt ma ltaqgħu f’din il-kompetizzjoni.
Sliema W. v Swieqi U. – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fir-raba’ post tad-diviżjonijiet rispettivi – Sliema Wanderers fit-Top Six tal-Premier League u Swieqi United fiċ-Challenge League.
Il-Wanderers, li rebħu dan l-unur 22 darba, jimmiraw li jirbħu l-ewwel konfront kontra l-avversarji tagħhom.
Zabbar SP v Xewkija T. – Zabbar St Patrick, li jinsabu fit-tielet post tal-Bottom Six jaffrontaw lil Xewkija Tigers, li jinsabu fit-tielet post tal-Ewwel Diviżjoni Għawdxija u li fl-ewwel round għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 1-0 fil-ħin barrani.
Iż-żewġ timijiet qatt ma ltaqgħu fil-passat.
Marsa v Naxxar L. – It-team li jinsab fil-post ta’ qabel l-aħħar fil-Bottom Six tal-Premier League, Naxxar Lions, jilgħab kontra Marsa li jinsabu fl-14-il post taċ- Challenge League.
Dan huwa l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet.
Mosta v Mqabba – It-team tal-Premier League li jinsab fir-raba’ post tal-Bottom Six, Mosta, jiltaqa’ ma’ Mqabba li jinsabu fit-tielet post tal-Amateur League.
Din se tkun il-ħames partita bejniethom fejn fl-erbgħa preċedenti, il-Mostin dejjem ħarġu rebbieħa.
Zurrieq v Kercem A. – Zurrieq li rebħu din il-kompetizzjoni, fl-1984-85, u li bħalissa jinsabu fit-12-il post taċ-Challenge League, jaffrontaw lil Kercem Ajax li jinsabu fit-tieni post tal-Ewwel Diviżjoni Għawdxija … fl-ewwel logħba bejniethom.


