Saturday, November 9, 2024

FA Trophy: Illum tintlagħab il-finali bejn ir-rivali Valletta u Floriana

Aqra wkoll

Illum jinżel is-siparju tal-istaġun 2021/22 bil-partitissima tal-finali tal-Izibet FA Trophy bejn ir-rivali eterni Valletta u Floriana. 

Din se tkun id-disa’ finali bejn dawn iż-żewġ gġanti tal-football Malti fejn il-bilanċ jaqleb favur il-Greens li għelbu lil-Lilywhites f’ħames okkażjonijiet filwaqt li l-Beltin rebħu t-tliet l-oħra. 

Iżda fl-istorja tal-FA Trophy dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu xejn inqas minn 26 darba fejn Floriana rebħu 13, Valletta 11 … bit-tnejn l-oħra jispiċċaw fi draws (1-1 u 2-2)  …. b’waħda kienet saret replay fejn il-Furjaniżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 (Mejju 1945) u bl-oħra tmur għall-għoti tal-penalites fejn il-Beltin kienu rebħu 4-1 (Frar 2009).

Għal Valletta din se tkun id-29 finali, f’76 edizzjoni li ħadu sehem fl-istorja tal-club fejn għandhom bilanċ assolut ta’ 14-il rebħa u 14-il telfa.

Min-naħa ta’ Floriana, din hija l-81 edizzjoni li pparteċipaw fiha u din se tkun it-33 finali … fejn fit-32 preċedenti huma rebħu 20 u tilfu 12.  

Statistika oħra interessanti hija li f’din il-kompetizzjoni Valletta lagħbu kontra 38 team, b’rekord ta’ 217 partiti … b’137 rebħa, 24 draw u 56 telfa filwaqt li Floriana lagħbu kontra 44 team, b’rekord ta’ 225 partiti … b’153 rebħa, 15-il draw u 57 telfa.  

F’dan l-istaġun Valletta utilizzaw 21 player – 10 Maltin u 11-il barrani … b’etá medja ta’ 25.81. Huma ntwerew erba’ karti sofor. 

L-aktar player li lagħab kien Enmy Pena Beltre, erba’ partiti b’ħin effettwat ta’ 328 minuti.

Min-naħa ta’ Floriana, utilizzaw 23 player – 11 Maltin u 12-il barrani … bl-istess etá medja 25.81. Huma ntwerew sitt karti sofor u tkeċċija waħda … li huwa Kemar Reid u li se jitlef din il-finali. 

L-aktar żewġ players li lagħbu kienu Oualid El Hasni u Emiliano Callegari li lagħbu erba’ partit b’ħin effettwat ta’ 360 minuti. 

Intant, il-Ġimgħa ġiet organizzata konferenza stampa fis-sala tal-konferenzi tas- Cen­tenary Stadium.

Din ġiet indirizzata mill- president ta’ Floriana Johann Said u l-captain Matias Nicolas Garcia u mill-president ta’ Valletta Alexander Fenech u Triston Caruana.

Beda biex tkellem il-pre­sident ta’ Floriana, is-Sur Said li qal: 

“Qed inħoss tensjoni kbira. Fil-veritá nixtieq nikkalma ftit u jasal nhar it-Tnejn. Jien nixtieq ngħaddi żewġ messaġġi – wieħed lill-partitarji u ieħor lill-players Furjaniżi – lill-partitarji nitlobhom li jżommu l-kalma u jġibu rispett lejn l-avversarji tagħna waqt li lill-players nitlobhom umiltá, rispett u grinta – dak l-importanti.”

Min-naħa tiegħu l-president ta’ Valletta, is-Sur Fenech qal: “Finali hija dejjem finali – tilgħab ma’ Floriana jew ma’ kwalunkwe team ieħor.

”L-importanza ta’ din il- logħba għalina iktar kontra min se nilagħbu hija li nistgħu nikkoreġu l-istaġun mi­żerabbli li kellna u anke l-players jemmnu li huma kapaċi jilagħbu kontra avversarji ta’ ċertu livell. 

“Hija logħba ta’ importanza kbira wkoll għax jekk nirbħu, nipparteċipaw f’kompetizzjoni Ewropea, li jkun  ifisser introjtu finanzjarju. 

“Fil-veritá, din hija logħba finali ta’ 90 minuta jew iżjed jekk tmur fil-ħin barrani li  tis­ta’ tmur kull naħa. Aħna ġejna fis-seba’ post fil-kampjonat imma nhar il-Ħadd għandna l-opportunitá li nerġgħu nibdew kapitlu ġdid sabiħ flim­­kien.”

F’din il-konferenza tal-aħ­barijiet tkellem ukoll il-captain ta’ Floriana, il-midfielder Arġentin, Matias Nicolas Garcia.

 Huwa qal li: “Se tkun partita mill-isbaħ kemm għalina kif ukoll għall-partitarji. Aħna l-players irridu nirbħu din il-partia.”

Intant, fil-jiem li għaddew tħabbar li Garcia kien intgħażel mat-team nazzjo­nali Malti hekk kif irnexxielu jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija. 

Fi kliemu: “Jien u l-familja tiegħi ninsabu kuntenti ħafna li se nirrappreżenta lil Malta. Għalija hija ħolma li saret realtá, iżda għalissa irridu naħsbu fil-finali tal-lum … imbagħad minn għada t-Tnejn nibdew naħsbu fuq it-team nazzjonali. Ninsab ċert li se nagħtu kollox fil-ground.” 

Tkellem ukoll il-midfielder ta’ Valletta, Triston Caruana li tenna: “Qed inħarsu lejn din il-finali b’motivazzjoni u ottimimżu  biex inpattu għall-istaġun mill-aktar diżappun­tanti li kellna u anke niksbu post fl-Eworpa. 

“Wara staġun diffiċli għalina neħtieġu l-appoġġ massimu tal-partitarji biex jingħaqdu magħna, għalkemm ninsab ċert li huma se jkunu qed jattendu bi ħgarhom.”

Għall-finali tal-lum, fis-2.00 pm se jkun hemm family fan zones li jinkludu  face painting, merchandising taż-żewġ clubs, divertiment, ikel u xorb fost oħrajn. 

Il-bibien tal-istadium se jinfetħu fit-3.00 pm.

Sport