Minn Cristian Muscat
FLORIANA…………… 2
XEWKIJA TIGERS…. 0
Floriana kisbu l-passaġġ mal-Aħħar 16 tal-FA Trophy meta għelbu l-isfida ta’ Xewkija Tigers bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
Il-Furjaniżi kellhom jistennew sas-36 minuta biex fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, Jose Fernando Gomes Junior venven xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa minn pożizzjoni angolata li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, Nikola Kosanin, isalva.
Fit-tieni taqsima, il-Furjaniżi ħarġu fuq l-offensiva fit-tentattiv li jiftħu vantaġġ ta’ żewġ goals.
Madankollu, l-Għawdxin qatt ma taw ruħhom b’mirbuħa u baqgħu jissieltu … sal-94 minuta meta Frank Sasere kkonnettja mal-cross ta’ Matias Niacolas Garcia, u b’daqqa ta’ ras preċiża xeħet fix-xibka.
Iżda għalkemm megħluba, Xewkija Tigers ħarġu mill-Victor Tedesco Stadium b’rashom mgħollija.
Referee: Daniel Portelli
LIJA ATHLETIC………… 0
ZABBAR ST PATRICK… 5
It-team tal-Premier League, Zabbar St Patrick kompla jespona d-differenza bejn it-timijiet tal-ogħla diviżjoni u dawk taċ-Challenge League meta ssuperaw lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 5-0.
Iż-Żabbarin komplew għaddejjin bis-sensiela pożittiva hekk kif din hija l-ħames rebħa tagħhom mill-aħħar sitt ħarġiet, bl-oħra tispiċċa fi draw.
Fil-veritá, l-Athletics irreżistew għall-pressjoni tal-avversarji matul l-ewwel taqsima meta Zabbar daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ goal skorjat minn David Oliveira Souza (15).
Peró, wara l-mistrieħ huma ċedew meta s-Saints skorja erba’ goals oħra mingħajr risposta minn Oliveira Souza (54, 89) li rreġistra hat-trick, Diogo De Figueiredo Tavares (65) u Marcelo Barros Santos (73).
Referee: Joseph Scerri
GUDJA UNITED…. 0
GZIRA UNITED….. 5
Gzira United, li jilagħbu fil-Premier League, ma sabu l-ebda diffikultá biex għelbu lil Gudja United, bl-iskor ta’ 5-0, li jinsabu fid-disa’ post taċ-Challenge League.
Il-Gudjani taw l-impressjoni li se jkunu sfida denja hekk kif sal-ewwel taqsima huma kienu fi żvantaġġ ta’ goal wieħed biss, li wasal mill-Brażiljan naturalizzat Malti, Gabriel Bohrer Mentz.
Iżda meta, fil-55 minuta, il-Gżirjani skorjaw it-tieni goal, li wasal minn Lucas Ribiero De Oliveira, huma rebħu l-kmand tal-andament tal-partita u ma kien hemm l-ebda dubju liema team kien se joħroġ rebbieħ.
Fit-72 minuta, is-sositut Zachary Scerri rnexxielu jniżżel ismu fost l-iskorers biex f’temp ta’ żewġ minuti, fid-79 u fit-80 minuta, il-Marroons sabu x-xibka darbtejn oħra minn Gabriel Bohrer Mentz (79) u Lucas Ribiero De Oliveira (80) li ssiġillaw ir-rebħa għat-team immexxi mill-coach, Giovanni Tedesco … u fl-istess waqt irreġistraw doppjetta kull wieħed.
Referee: Ezekiel Barbara
QALA SAINTS….. 2
ST ANDREW’S….. 0
Mingħajr ma jitnaqqas l-ebda mertu, Qala Saints wettqu sorpriża meta fil-Gozo Stadium għelbu lit-team miċ-Challenge League bl-iskor ta’ 2-0.
Blu dubju, Qala mhumiex sinonimi ma’ din il-kompetizzjoni hekk kif bdew jieħdu sehem mill-istaġun 2012-13 biex din hija l-11-il darba li qed jikkompetu, fejn b’kollox lagħbu 14-il partita.
L-aktar li avvanzaw kien fl-istaġun 2022-23 meta avvanzaw tliet rounds iżda ġew eliminati minn Gzira United wara rebħiet fuq Sannat Lions u Mtarfa.
Intant, il-Qalin ħasdu għal kollox lil St Andrew’s meta skorjaw żewġ goals kmieni fil-partita minn Christian Mercieca (10) u s-Serb, Igor Nedeljkovic (17).
St Andrew’s ipprovaw jagħmlu reazzjoni iżda sabu quddiemhom team organizzat u dixxiplinat.
Referee: Alex Johnson
VALLETTA……………… 4
SK VICTORIA WDRS.. 0
Minkejja li huma team taċ-Challenge League, Valletta xorta waħda jgawdu rispett kbir f’din il-kompetizzjoni li rebħuha 14-il darba.
Huma għelbu lill-Għawdxin ta’ SK Victoria Wanderers bl-iskor ta’ 4-0 liema rebħa mmaturat fit-tieni taqsima.
L-iskorers kienu James Scicluna (32), l-Amerikan Enoch Biringanine Mushagalsua (52, 80) li skorja doppjetta u l-Brażiljan, Jefferson Ferreira de Souza (84).
Referee: Philip Farrugia
HIBERNIANS………. 3
ZEBBUG RANGERS.. 0
It-team tal-Premier League, Hibernians, kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq dak taċ-Challenge League, Zebbug Rangers.
Inċidentalment, din kienet ir-raba’ laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet fl-istorja tal-FA Trophy u din kienet it-tielet waħda li l-Pawlisti ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 … bl-aħħar darba li ltaqgħu kienet fis-17 ta’ Frar, 2013, fil-kwarti-finali.
Huma fetħu l-iskor fit-43 minuta meta l-Brażiljan Felico Carvalho Natha għeleb lill-goalkeeper, Jamie Azzopardi, minn pożizzjoni ideali.
Il-Pawlisti komplew jiddettaw il-logħob u fit-58 minuta ma kienet l-ebda sorpriża li huma rduppjaw minn Khevin Rodrigo Fraga li tħalla waħdu u bil-kalma kollha ddepożita l-ballun fix-xibka.
Huma komplew jamministraw il-partita u fis-76 minuta, issiġillaw ir-rebħa permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Alex Bruno De Souza Silva.
Referee: Emanuel Grech
FGURA UNITED.. 3
ATTARD…………. 1
It-team taċ-Challenge League, Fgura United, għeleb lil dak tal-Amateur 1, Attard, bl-iskor ta’ 3-1.
Kien Nicholas Schembri (32) li fetaħ l-iskor għal Attard iżda Caleb Akande Timilehin (46), auto-goal ta’ Yanis Tonna (80) u Innocent Awori (83) dawru telfa f’rebħa għal Fgura li issa fir-round li jmiss għandhom impenn mill-aktar diffiċli kontra Birkirkara.
Referee: Andrea Naudi