Tuesday, January 27, 2026

FA Trophy: Jibda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada jintlagħab ir-round tal-Aħħar 16 tal-FA Trophy bl-aqwa partita tkun dik bejn il-holders Hibernians u Gzira United … filwaqt li t-timijiet il-kbar ma għandhomx ifallu milli jkomplu javvanzaw.

Gzira U. v Hibernians – Bla dubju, din hija partita bejn żewġ timijiet li għaddejjin minn forma tajba u għaldaqstant għandha tkun waħda bilanċjata u ma tkun l-ebda sorpriża li tiġi deċiża bl-għoti tal-pe­nalties.

Filwaqt li fl-Aħħar 32, il-Maroons eliminaw lil St Andrew’s bl-iskor ta’ 2-0, il-Pawlisti rebħu lil Gudja United bl-iskor ta’ 3-1.

Dawn iż-żewġ timi­jiet ltaqgħu ħames dar­biet fejn Gzira rebħu tlieta, Hibernians darba filwaqt li l-oħra spiċċat fi draw.

Floriana v Zabbar SP – Dan huwa konfront delikat għal Floriana meta jiffaċ­ċjaw lil Zabbar St Patrick.

Fir-round preċedenti, iż-żewġ timijiet ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 1-0 … il-Furjaniżi fuq Marsaxlokk u ż-Żabbarin fuq Xewkija Tigers.

Din se tkun it-tielet laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn fit-tnejn preċedenti, Floriana dej­jem ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Hamrun S. v Fgura U. – Hamrun Spartans jibdew favoriti li jkomplu javvanzaw għall-kwarti-finali meta jiltaqgħu kontra Fgura United li jilagħbu fiċ-Challenge League hekk kif din se tkun il-180 partita f’din il-kompetizzjoni għall-Ispartans. 

Biex waslu sa dan l-istadju, l-Ispartans irreġistraw rebħa ta’ 5-0 fuq Victoria Hotspurs.

Min-naħa ta’ Fgura, huma eli­mi­naw lil Sta Lucia bl-iskor ta’ 2-1.

Din se tkun l-ewwel partita bejn dawn iż-żewġ ti­mijiet.  

Swieqi U. v Naxxar L. – It-team miċ-Challenge Lea­gue, Swieqi United, jil­għab kontra Naxxar Lions fejn jimmiraw li jirrepeti s-suċċess fuq team tal-Premier wara li fir-round preċedenti elimina lil Sliema Wanderers 2-1, wara l-ħin barrani.

Min-naħa l-oħra, in- Naxxarin għelbu lil Marsa bl-iskor ta’ 3-0.

Fl-uniku partita li ntlagħ­bet bejn dawn iż-żewġ ti­mijiet, Naxxar Lions kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-1.

Birkirkara v Pietá H. – Birkirkara m’għandhomx ifallu kontra t-team miċ-Challenge League, Pietá Hotspurs iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji.

Filwaqt li l-Istripes għelbu lil SK Victoria Wanderers 3-1, il-Hotspurs elimi­naw lil Mtarfa 5-0.

Birkirkara u Pietá ltaq­għu darb’oħra, bil-Karkariżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.

Zurrieq v Birżebbuġa SP – Din hija partita bejn żewġ timijiet taċ-Challenge Lea­gue, b’Birżebbuġa St Peter’s jibdew favoriti hekk kif jinsabu fit-tieni post filwaqt li Zur­rieq jinsabu fit-12-il post.

Filwaqt li Zurrieq għelbu lil Kercem Ajax 4-0, Birżebbuġa għelbu lil Bal­zan 5-3 bil-penalties wara draw ta’ 1-1.

Dan se jkun l-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet f’din il-kompetizzjoni.

Tarxien R. v Valletta – It-team tal-mument, Valletta, jilgħab kontra dak ta’ Tar­xien Rainbows.

Filwaqt li Valletta kel­lhom jitħabtu biex għelbu lil Pembroke Athleta 1-0, ir-Rainbows kisbu rebħa faċli ta’ 4-0 fuq Għajnsie­lem … biex ikkwalifikaw għal dan l-istadju.

Fit-tliet partiti li lagħbu bejniethom, Valletta dej­jem ħarġu rebbieħa.

Mgarr U. v Mosta – Din hija partita oħra bejn team tal-Premier League, Mosta, u dak taċ-Challenge Lea­gue, Mgarr United.

Fuq il-karta, il-Mostin jibdew favoriti iżda jridu juru rispett massimu lit-team li jin­sab fis-sitt post fil-kampjonat rispettiv.

Filwaqt li Mgarr United issuperaw lil Qala Saints 2-0, Mosta għelbu lil Mqabba 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.

Din se tkun l-ewwel partita f’din il-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ timijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport