Bejn illum u għada jintlagħbu l-kwarti-finali tal-FA Trophy, bl-aktar partita attraenti hija dik bejn ir-rivali Hamrun Spartans u Valletta.
Dan se jkun il-ħames konfront bejn iż-żewġ timijiet f’dan l-istaġun … fejn fl-erba’ preċedenti, fil-kampjonat il-Ħamruniżi rebħu partita bl-iskor ta’ 1-0 u t-tnejn l-oħra spiċċaw fi draws ta’ 1-1 u 0-0, filwaqt li Beltin kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 fil-kwarti-finali tal-Malta FA Jubilee Cup liema kompetizzjoni baqgħu sejrin jirbħuha.
Biex waslu sa dan l-istadju, Hamrun skorjaw 10 goals mingħajr ma sofrew l-ebda wieħed … meta fit-tielet round u fl-Aħħar 16 għelbu lil Victoria Hotspurs u lil Fgura United rispettivament bl-iskor identiku ta’ 5-0.
Fl-istess stadji, Valletta għelbu lil Pembroke Athleta u lil Tarxien Rainbows bl-istess skor ta’ 1-0.
Gzira U. v Mosta – Din il- partita tiftaħ il-programm ta’ dan l-istadju fejn Gzira United jibdew favoriti li joħorġu rebbieħa hekk kif Mosta jinsabu fi kriżi kbira hekk kif teżisti possibbiltá kbira li se jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni.
Fiż-żewġ rounds preċedenti, il-Maroons għelbu lil St Andrew’s (2-0) u lil Hibernians (3-2) filwaqt li Mosta rebħu lil Mqabba 4-3 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 1-1 u lil Mgarr United (3-0).
Gzira għandhom lil Fabricio Silva Virgens sospiż.
Birkirkara v Zabbar SP – Dan huwa konfront bilanċjat li jista’ jmur kull naħa, bl-aħħar darba li ltaqgħu fil-kampjonat, ġimagħtejn ilu, iż-Żabbarin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
Fiż-żewġ rounds ta’ qabel, Birkirkara għelbu lil SK Victoria Wanderers (3-1) u lil Pietá Hotspurs (2-0) filwaqt li Zabbar issuperaw lil Xewkija Tigers (1-0) u lil Floriana 4-2 bil-penalties wara draw ta’ 0-0.
Zurrieq v Naxxar L. – Biex wasal sal-aħħar tmienja, l-uniku team miċ-Challenge League, Zurrieq, għeleb lil Kercem Ajax (4-0) u lil Birżebbuġa St Peter’s (3-0) filwaqt li Naxxar Lions, li huma favoriti li jirbħu, rebħu lil Marsa (3-0) u lil Swieqi United (4-2).



