HAMRUN SPARTANS……. 5
FGURA UNITED………….. 0
Hamrun Spartans saru l-ewwel team li kkwalifika għall-kwarti-finali tal-FA Trophy meta b’mod mill-aktar komdu u faċli għelbu lit-team miċ-Challenge League, Fgura United, bl-iskor ta’ 5-0 liema rebħa mmaturat fit-tieni taqsima.
L-Ispartans fetħu l-iskor fis-sitt minuta meta Danilo Bulevardi kompla għal ġewwa mill-cross ta’ Matthew Guillaumier.
Fl-40 minuta, Fgura spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Samuel Buhagiar għal żewġ karti sofor għal żewġ fouls koroh fuq Bulevardi.
Sa dak il-ħin, Fgura kienu avversarji denji u kellhom ukoll il-mumenti tagħhom.
Fil-51 u fl-64 minuta, Shaisen Attard skorja żewġ goals minn tarf il-kaxxa bit-tieni wieħed ikun mill-isbaħ meta dawwar il-ballun lejn is-saqaf tax-xibka.
L-aħħar żewġ goals waslu minn żewġ sostituti – Jonny Do Nascimento Torres (78) li ħareġ minn bejn żewġ difensuri u kkonkluda mill-cross fil-baxx ta’ Guillaumier u minn daqqa ta’ ras ta’ Damir Ceter Valencia fit-tieni minuta tal-ħin miżjud.
Referee: Daniel Portelli
SWIEQI UNITED…….. 2
NAXXAR LIONS………. 4
Naxxar Lions qatgħu l- passaġġ tagħhom mal-aħħar tmien meta għelbu lit-team miċ-Championship, Swieqi United, bl-iskor ta’ 4-2.
Swieqi kienu qed jimmiraw li jirrepetu s-suċċess meta fir-round preċedenti huma eliminaw lil Sliema Wanderers. Iżda n-Naxxarin kellhom ideat oħra minħabba li ddominaw għal kollox dan il-konfront.
Il-goals tagħhom waslu minn Louis Ndualu (6), Vinicius Ferreira (33), Joao Victor Souza (46) u Joao Moura Cardoso (51 pen) filwaqt li Kojo Salam (87) u Kojo Okle (89) skorjaw għal Swieqi.
Referee: Emanuel Grech
ZURRIEQ……………………….. 3
BIRŻEBBUĠA ST PETER’S….. 0
Dan kien l-uniku konfront bejn żewġ timijiet miċ-Challenge League hekk kif Zurrieq issuperaw lil Birżebbuġa St Peter’s bl-iskor ta’ 3-0.
Il-goals waslu minn doppjetta ta’ Jonathan Monney (19, 25) biex laħaq lil Shaisen Attard (Hamrun S.), Emmanuel Ibrahim (Qala S.) u Joao Victor Souza (Naxxar L). fil-quċċata tal-aħjar skorers … filwaqt li s-sostitut Gianluca Zammit (78) issiġilla r-rebħa.
Referee: Wayne Sammut

