Minn Cristian Muscat
BIRKIRKARA…… 2
BALZAN…………. 1
Fi spazju ta’ sitt ijiem, Birkirkara għelbu lil Balzan darbtejn b’dik preċedenti tkun 5-2 mill-Malta Premier League.
Ilbieraħ huma ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
L-Istripes fetħu l-iskor minn Agustin Sandona (36) meta xeħet fix-xibka minn azzjoni ta’ corner.
Fis-66 minuta, Balzan ingħataw penalty li minnu Alexander Ayo Akpan ra lill- goalkeeper, Giacomo Volpe, isalva parzjalment iżda Jan Busuttil kien pront u xeħet fix-xibka mir-rebound.
Peró, fil-75 minuta, Alexander Satariano, qata’ l- passaġġ għal Birkirkara għar-round li jmiss, b’xutt imdawwar minn tarf il-kaxxa.
Referee: Ishmael Barbara
NAXXAR LIONS…. 4
MELITA……………. 2
(wara l-ħin barrani)
Naxxar Lions għaddew mal-Aħħar 16 meta ssuperaw lil Melita bl-iskor ta’ 4-2 liema partita kellha tmur fil-ħin barrani.
Melita fetħu l-iskor minn free-kick ta’ Matthew Debattista (9).
Iżda, fit-53 minuta, Ryan Cassar, kiseb id-draw għal- Lions minn penalty biex patta għal dak li falla Maicon De Souza fl-ewwel taqsima.
Peró, fl-64 minuta, Melita reġgħu marru fil-vantaġġ minn penalty mogħti minn Debattista biex irreġistra doppjetta personali.
Naxxar għamlu reazzjoni u qatt ma ħarsu lura. Huma kisbu d-draw mill-Ġappuniż, Tara Ndao (74) biex sal-ħin normali l-iskor baqa’ draw ta’ 2-2 biex intlagħab il-ħin barrani … li fih skorjaw darbtejn minn Maicon De Souza (99) u Takuma Yamaguchi (105).
Referee: Slobodan Petrovic
HAMRUN SPARTANS….5
SWIEQI UNITED……… 0
Hamrun Spartans kienu tajbin wisq għat-team miċ- Challenge League, Swieqi United meta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-0.
Kien fil-31 minuta li l-Ispartans fetħu l-iskor meta Jovan Cadenovic xeħet lejn Lui Barbosa Talison li minn pożizzjoni angolata għeleb lill-goalkeeper, Jean Claude Debattista.
Dan il-goal kien il-preludju ta’ rebħa kbira hekk kif l-Ispartans skorjaw erba’ darbiet mingħajr risposta minn Raphael Lopes Silva (48, 84), Abdoul Kairou Amoustapha (64) u Joseph Mbong (76).
Referee: Daniel Casha
MARSAXLOKK… 0
MOSTA…………. 3
Mosta kellhom wirja konvinċenti biex għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 3-0.
Huma kellhom bidu mill- aktar pożittiva hekk kif fis-sitt minuta, huma ngħataw penalty li minnu Clayton Failla ma żbaljax.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima, ix-Xlukkajri kienu sfortunati li ma kisbux id-draw meta Yuri De Jesus Messias ġie mċaħħad mill-mimduda.
Madankollu, fid-59 minuta kienu Mosta li rduppjaw meta rebħu penalty ieħor wara li Zachary Brincat ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Duvan Torres … biex Clayton Failla skorja t-tieni goal personali.
U fit-73 minuta, huma aċċertaw mir-rebħa permezz ta’ kanunata ta’ Giancarlo Goncalves.
Referee: Trustin Farrugia Cann
PIETÁ HOTSPURS.. 1
MARSA……………… 5
Il-konfront bejn żewġ timijiet miċ-Challenge League spiċċa b’rebħa għal Marsa bl-iskor ta’ 5-1 fuq Pietá Hotspurs, li mmaturat fit-tieni taqsima.
L-iskorers tal-Marsin kienu Renan Sgaria Farias (18), Jake Engerer (52 pen), Joao Vitor De Oliveira Florencio (76, 80) u Lydon Micallef (84) filwaqt li Gabriel Mannino (56) irrisponda għall-Hotspurs.
Referee: Malcolm Spiteri
SLIEMA WANDERERS… 8
GĦAJNSIELEM………….. 0
Il-holders Sliema Wanderers ma sabu l-ebda diffikultá biex għelbu lill-Għawdxin ta’ Għajnsielem bl-iskor ta’ 8-0 … bil-konsegwenza li dan il-konfront spiċċa mingħajr l-ebda storja.
Wara biss żewġ minuti huma fetħu l-iskor minn Mohamed Awad u żewġ minuti wara huma rduppjaw biex prattikament il-logħba kienet diġá mirbuħa u mitlufa.
Fit-12-il minuta, kien Adam Magri Overend li niżżel ismu fuq il-lista tal- iskorers Slimiżi.
Fit-22 minuta, Zibo kiseb id-doppjetta personali u 11-il minuta wara, Geoffrey Acheampong kompla jkabbar il-vantaġġ.
Din il-goaleada kompliet tibker, fis-37 u fit-43 minuti, permezz ta’ Vito Plut u Steve Pisani rispettivament biex l-ewwel taqsima għalqet bl-iskor ta’ 7-0.
Wieħed antiċipa li fit-tieni taqsima l-iskor kien se jilħaq iż-żewġ figuri iżda l-Wanderers urew rispett lejn l-avversarji meta skorjaw goal wieħed biss permezz ta’ Russel Borg (47).
Referee: Matthew Degabriele.
ZURRIEQ….. 1
MELLIEĦA… 0
(wara l-ħin barrani)
Zurrieq, li jinsabu fit-tmien post taċ-Challenge League kellhom jitħabtu biex għelbu lit-team fid-disa’ post tal-Amateur 1, Mellieħa, meta kellhom immorru fil-ħin barrani biex jagħmlu dan.
Il-goal rebbieħ taż-Żrieraq ġie skorjat, fil-108 minuta, minn penalty mogħti mill-Amerikan Mamadu Bah Sulahmana.
Referee: Reuben Spiteri Delicata
XAGĦRA UNITED……… 1
VICTORIA HOTSPURS.. 5
Il-konfront bejn żewġ timijiet Għawdxin, spiċċa f’rebħa kbira għal Victoria Hotspurs fuq Xagħra United bl-iskor ta’ 5-1.
Il-protagonisti kienu Ferdinando Apap (9), Roberto Monteiro Rondinely (18), Kurt Borg (31, 52) u Emmanuel Mbong (81) filwaqt li Lucas Farrugia (32) wieġeb għal Xagħra.
Referee: Glen Tonna
SIRENS….. 0
QRENDI…. 2
It-team li jinsab fis-seba’ post tal-Amateur 1, Qrendi, wettaq “sorpriża” meta għeleb lil Sirens, li jinsabu fl-10 post taċ-Challenge League, Sirens, bl-iskor ta’ 2-0.
Il-goals waslu wieħed f’kull taqsima minn Leonardo Fernandes Andrade (36) u Christian Degabriele (55).
Referee: Fyodor Zammit