Sunday, November 24, 2024

FA Trophy: Sliema Wanderers eliminati minn Marsaxlokk

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema W. ……1

Marsaxlokk ….2

It-team miċ-Challenge League, Marsaxlokk, ħasad għal kollox lil Sliema Wanderers meta għelbu bl-iskor ta’ 2-0 biex filwaqt li qata’ l-passaġġ għall-kwarti-finali tal-Izibet FA Trophy, kompla l-istaġun diżastruż għall-Wanderers hekk kif jinsabu wkoll fil-qrib li jiġu relegati mill-Kampjonat Premier.

Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għax-Xlukkajri li dehru iktar organizzati minn kull lat, kuntrarju għall-Wanderers li dehru traskurati speċjalment fid-difiża.

Ix-Xlukkjari għamlu l-intenzjoniiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ free-kick, l-Arġentin AUGUSTO CASERES b’xutt angolat tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed Al-Tumi.

Fis-17-il minuta, Neil Micallef xeħet cross mil-lemin b’Peter Sammut ikollu d- daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata tajjeb minn Al-Tumi.

Madankollu, fit-28 minuta, il-Wanderers għamlu l-iskor indaqs meta JAKE ENGERER avvanza fil-kaxxa u b’xutt qawwi minn pożizzjoni angolata tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqisma, Marsaxlokk ħarġu tajjeb u fis-47 minuta Peter Paul Sammut kellu xutt mill-viċin li ġie devjat f’corner mid-difiża avversarja. 

Sliema wieġbu fl-64 minuta permezz ta’ xutt mill-qrib ta’ Matteo Piciollo li ġie salvat bi tbatija mill-goalkeeper, Frederick Tabone.

Iżda Marsaxlokk bdew jipproduċu logħob sabiħ u tliet minuti wara Sammut kellu xutt salvat minn fuq il-linja fatali. Huma komplew jippressaw u fis-70 minuta  Xuan Cappellino kellu xutt mil-lemin li spiċċa għoli.

Sliema wieġbu fis-87 mi­nuta u tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa meta Engerer ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Tabone u tefa’ inkreddibilment barra.

Dan sabiex mad-90 minuta, is-sostitut tal-Wanderers Omar Elouni kellu xutt mill-viċin li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Xlukkajr.

L-iskor sa tmiem id-90 minuta baqa’ ma nbidilx u għaldaqstant il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.

Kienu Marsaxlokk li skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta fil-95 minuta, XUAN CAPPELLINO  qabeż difensur avversarju, ikkontrolla tajjeb u permezz ta’ xutt mill-ewwel għeleb għal kollox lil Al-Tumi.

B’dan il-vantaġġ, ix-Xlukkajri għarfu jamministraw il-kumplament tal-logħba.

SLIEMA W.: 22-Rashed Al-Tumi, 3-Juan Pablo Morales Rengifo, 4-Raffaele Svhiavi, 6-Gab­riel Aquilina (10-Inters Gui 105), 7-John Mintoff (9-Omar Elouni 64), 8-Mark Scerri (18-Edmond Agius 77), 19-Jake Engerer, 23-Matteo Piciollo (25-Yuki Uchida 105), 29-Oscar Linton Bethancourt, 72-Jean Carlos Cloth Goncalves (30-Jean Paul Farrugia 77), 99-Valmir Berisha (91-Martin Davis 64)  – Coach: Noel Turner

MARSAXLOKK.: 1-Frederick Tabone, 4-Gareth Barone (2-Brendan Scerri 111), 5-Juan Gill Cruz, 6-Mattia Del Negro (98-Ryan Tonna 60), 7-Augusto Rene Caseres, 11-Xuan Cappellino (9-Jeremy Delmar 111), 14-Omar Walter Serrano, 17-Peter Xuereb, 19-Emerson Vella (3-Iven Zammit 70), 20-Peter Paul Sammut (10-Calvin Camilleri 86), 22-Neil Micallef  – Coach: Pablo Doffo

REFEREE: Fyodor Zammit

ASS. REFEREES: Thomas Debono, Max-Lee Muscat

RABA’ UFF: Daniel Casha

SKORERS: A. R. Caseres 3, X. Cappellino 95 (M), J. Engerer 28 (SW)

AMMONITI: J. P. Morales Rengifo, O. L. Bethancourt, J. P. Farrugia (SW), M. Del Negro, A. R. Caseres, P. Xuereb, E. Vella, B. Scerri (M)

Sport