Gzira U. ……… 0
Valletta………..1
Minn Cristian Muscat
Valletta ħasdu lil Gzira U. meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex b’hekk kisbu post fil-kwarti tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy. Detrimentali għall-Maroons, li kienu ferm sfortunati hekk kif fl-ewwel 90 minuta laqtu żewġ lasti permezz ta’ Thaylor Aldama, kien il-fatt li lagħbu għal ħinijiet twal bi player inqas meta tkeċċa għalihom il-player Kevin Tulimieri permezz ta’ karta ħamra diretta fl-ewwel taqsima eżattament fl-24 minuta.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Thaylor Aldama wara li rċieva minn cross ta’ Kevin Tulimieri ħabtet mal-mimduda, bil-Beltin jeħilsuha ħafif.
Madankollu, fl-24 minuta, huma qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players hekk kif tkeċċa għalihom il-player Kevin Tulimieri li kien qed jaffronta proprju lill-ex team tieghu permezz ta’ karta ħamra diretta wara li deher jagħti daqqa ta’ minkeb lill-player żagħżugħ ta’ Valletta Sheldon MacKay.
Valletta bdew japprofittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar u fid-39 minuta Brandon Paiber għadda tajjeb lejn Andrea Zammit li b’eleganza bit-takkuna għadda tajjeb lejn Jefferson li minn pożizzjoni ideali tefa’ għoli.
Gzira wieġbu tliet minuti wara meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, Diogo Barbosa, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-vċin salvata mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper ta’ Valletta, Timmy Aquilina.
L-azzjoni sussehewnti waslet biss fis-77 minuta bil-Maroons ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Faysal Chouaib għadda tajjeb lejn Thiago Espindola li kellu l-konklużjoni fil-baxx tiegħu taħbat ma’ sieq il-wieqfa, biex b’hekk dan il-player xejn ma kellu lejla fortunata hekk kif din kienet proprju t-tieni lasta li laqat f’din il-partita.
Fil-ħin miżjud xutt sabiħ kważi minn tarf il-kaxxa ta’ Neil Micallef għall-Beltin ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper żagħżugħ ta’ Gzira, Cain Formosa, li dawwar f’corner b’mod stupend.
L-iskor sa tmiem id-90 minuta baqa’ ma nbidilx biex b’hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Valletta fetħu l-iskor, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa, fil-103 minuta meta Brandon Paiber għadda through pass pinġut lejn JAMES SCICLUNA li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ġewwa biex tefa’ lill-partitarji numerużi Beltin f’delirju ta’ ferħ.
Gzira wieġbu fil-113-il minuta u resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs meta konklużjoni ta’ Kurt Zammit mill-viċin ġiet salvata bi bravura mill-goalkeeper tal-Lilywhites, Timmy Aquilina.
Valletta komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Gzira U.: 99-Cain Formosa, 5-Enrico Pepe (19-Manuel De Filippis 104), 7-Thaylor Aldama, 14-Luis Carlos Riascos, 17-Montell Shequill, 18-Diogo Barbosa (6-Andrew Borg 57), 20-Stefan Denic (47-Brookyln Borg 77), 22-Kurt Zammit, 89-Nikola Disic (9-Faysal Chouaib 63), 92-Kevin Tulimieri, 93-Thiago Espindola Coach: Giovanni Tedesco
Valletta: 1-Timmy Aquilina, 2-Enoch Biringanine (15-Keyon Ewurum 98), 4-Neil Anthony Micallef, 6-Enzo Ruiz (11-Jake Azzopardi 52) , 8-Andrea Zammit (33-James Scicluna 80), 9-Andrei Ciolacu, 10-Brandon Paiber, 16-Jefferson, 23-Ayrton Attard, 25-Jacob Walker, 28-Sheldon Mackay Coach: Thane Micallef
Referee: Matthew De Gabriele
Ass. Referees: Jurgen Spiteri, David Castillo
Raba’ Uffiċjal: Alex Johnson
Skorers: J. Scicluna 103 (V)
Tkeċċa: K. Tulimieri 24 (G)
Ammoniti: Jefferson, K. Ewurum (V), C. Formosa, K. Zammit, M. De Filippis (G)