Sunday, December 22, 2024

Fabio Paratici jitkellem għall-ewwel darba dwar l-investigazzjoni ta’ Juventus fuq allegat frodi

Aqra wkoll

Id-direttur sportiv ta’ Tottenham, Fabio Paratici, tkellem għall-ewwel darba dwar l-investigazzjoni finanzjarja li tinvolvi lilu u lil Juventus.

Paratici, li għandu 50 sena, jinsab fost it-12-il persuna li qed jiġu investigati mill-Prosekutur ta’ Turin fuq allegatament frodi u kotba finanzjarji foloz. 

Huwa ħadem għal 11-il sena ma’ Juventus u kien responsabbli mit-trasferimenti, bejn l-2018 u l-2021.

Huwa qed jiġi akkużat li rreġistra ftehimiet b’valuri ta’ trasferimenti “minfuħa” biex jibbilanċjaw il-kotba tal-Bianconeri bejn l-2019 sal-2021.

Proprju t-Tnejn filgħaxija huwa kien mistieden fi programm televiżiv Taljan fejn tkellem għall-ewwel darba. 

“Bħalissa, m’inix lest, ninsab kemmxejn imdejjaq, u niddejjaq nitkellem dwar dan.

“Onestament, hemm xi affarijiet li mhumiex ċari, u rrid nibqa’ kwiet;.Għadni mhux lest.”

Meta mistoqsi jekk iħossux responsabbli mis-sistema hekk imsejħa ‘Juventus’,’ wieġeb: “Kulħadd għandu l-verżjoni tiegħu; s’issa nstemgħet qanpiena waħda. Immaġina logħba football fejn wieħed qed jattakka u l-ieħor għadu ma qabiżx nofs il-ground,” huwa qal. 

Is-smigħ preliminari għall-investigazzjoni dwar Juventus ġie stabbilit għas-27 ta’ Marzu li ġej.

Fost l-evidenza miġbura mill-investigaturi hemm ktejjeb tad-direttur attwali ta’ Juventus, Federico Cherubini, fejn Paratici jinsab akkużat li għamel investimenti lleġittimu għall-Bianconeri.

Paratici ħalla lil Juventus fi tmiem il-kampanja 2020-21, u ngħaqad ma’ Tottenham fis-sajf tal-2021.

Ekonomija

Sport