Id-direttur sportiv Fabio Paratici tenna li Tottenham Hotspur huma kuntenti li żammew is-servizzi ta’ Harry Kane dan is-sajf.
L-internazzjonali Ingliż kien marbut ħafna ma’ trasferiment ma’ Manchester City, li kienu lesti jiksru r-rekord tat-trasferimenti Ingliżi biex jiffirmaw lill-attakkant.
Madankollu, b’Kane li fadallu tliet snin fil-kuntratt tiegħu, Spurs għażlu li jirrifjutaw kull tentattiv biex jassiguraw is-servizzi tal-player ta’ 28 sena.
Waqt li tkellem fl-avveniment tal-Festival dello Sport, Paratici qal: “Harry Kane iħobb lil Tottenham. Iddeċidejna li nżommu lil Harry fis-sajf li għadda biex nibdew il-bini tat-team mill-ġdid, u aħna kuntenti bl-għażla tagħna.”
“M’hemmx bżonn ta’ xi taħdita ġdida ma’ Harry. Huwa jaf jaqsam is-sens ta’ appartenenza ma’ Spurs.”
Filwaqt li Kane għadu ma skurjax fil-Premier League dan l-istaġun, huwa sab ix-xibka erba’ darbiet fl-EFL Cup u fl-Europa Conference League.