Thursday, November 6, 2025

Fabio Spiteri … il-kelma ‘determinazzjoni’ qatt ma kienet daqshekk xierqa biex tiddeskrivih

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-kelma ‘determinazzjoni’ qatt ma kienet daqshekk xierqa biex tiddeskrivi lil Fabio Spiteri. Dan l-atleta ultra-endurance Malti, magħruf għall-qawwa mentali u l-impenn tiegħu lejn il-kawża tal-annimali, se jerġa’ jagħmel l-impossibbli: id-Deca UltraTriathlon għat-tielet darba f’sena waħda, din id-darba f’Taiwan.

Fabio Spiteri huwa atleta ultra-endurance Malti magħruf għall-impenn u l-passjoni tiegħu lejn l-isport u l-annimali.

Bħala triatleta b’esperjenza, huwa wettaq numru ta’ sfidi estremi madwar id-dinja, fosthom diversi Ironman u Deca UltraTriathlon. Fl-2024 sar l-ewwel Malti li temm żewġ Deca UltraTriathlons f’sena waħda, u spiċċa fit-tieni post f’dik ta’ Franza. Huwa wkoll il-fundatur ta’ Project 100, inizjattiva biex jiġbor il-flus għall-kennijiet tal-annimali f’Malta u Għawdex. Magħruf għall-umiltà u d-dedikazzjoni tiegħu, Fabio jispira bosta b’messaġġ ta’ reżiljenza u solidarjetà.

Spiteri se jieħu sehem f’dan l-avveniment bejn id-9 u l-19 ta’ Novembru, bħala wieħed minn madwar tletin atleta elite minn madwar id-dinja. Din is-sejħa għall-kuraġġ u r-reżiljenza hija parti mill-Project 100, inizjattiva li ilu impenjat fiha biex jiġbor €100,000 għall-kennijiet tal-annimali f’Malta u Għawdex.

“Dan kollu qiegħed nagħmlu għall-annimali li ma jistgħux jitkellmu,” jgħid Fabio b’ton li jirrifletti kemm hu sinċier f’intervista li ta lil din il-gazzetta. “Kull triathlon, kull kilometru, kull ġurnata ta’ tbatija fuq it-triq jew fil-baħar, huma kollha sagrifiċċju għalihom.”

Sa issa, Fabio diġà ġabar aktar minn €75,000, jiġifieri jinsab biss €25,000 ’il bogħod mill-mira li waqqaf meta beda dan il-proġett ambizzjuż. Il-fondi se jmorru biex jinxtraw ikel u provvisti mediċi għax-xelters tal-annimali li bħalissa jinsabu f’diffikultà.

“Jekk nasal għall-mira ta’ €100,000, tkun rebħa mhux tiegħi biss, imma ta’ kull min iħobb l-annimali,” jgħid hu. “Il-ġenerożità tal-Maltin dejjem tispikka, u nixtieq li din l-atmosfera sabiħa ta’ solidarjetà tibqa’ tispira oħrajn.”

Id-Deca UltraTriathlon hu wieħed mill-aktar avvenimenti estremi fid-dinja: 38 kilometru ta’ għawma, 1,800 kilometru fuq ir-rota, u 422 kilometru ta’ ġiri jiġifieri għaxar maratoni sħaħ konsekuttivi. B’kollox, dan jammonta għal 2,260 kilometru ta’ sforz kontinwu.

Wara li temm b’suċċess il-Bretzel Ultra Triathlon Deca f’Colmar, Franza, f’Ġunju li għadda fejn spiċċa t-tieni u kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu b’31 siegħa, Spiteri issa lest jerġa’ jħabbat wiċċu mal-istess distanzi f’kundizzjonijiet differenti ħafna.

“Fi Franza kienet sħana kbira, filwaqt li f’dik ta’ qabel fl-Italja kellna x-xita bla waqfien,” jispjega Fabio. “Taiwan se tkun sfida oħra għax l-umdità għolja tista’ tagħmel il-ġiri ħafna iktar diffiċli, imma jien mdorri mat-temp ta’ Malta. Naf x’inhu ġej, u mentalment qiegħed lest għal kollox.”

Il-ġirja ta’ din is-sena għandha wkoll sinjifikat storiku għax hija l-ewwel Deca UltraTriathlon li se ssir fl-Asja bħala parti mis-serje Grand Prix tal-International Ultra Triathlon Association. “Inħossni onorat li se nkun parti minn dan il-kapitlu ġdid,” jgħid hu. “Hija esperjenza unika mhux biss sportiva, imma wkoll kulturali. Din is-sena, Taiwan se tkun qed tiċċelebra wkoll il-festi tat-tempji tagħhom, allura se jkun hemm atmosfera speċjali li żżid ma’ kollox.”

“Qed inħoss li bħalissa qiegħed fl-aqwa forma ta’ ħajti,” jgħid Fabio b’ċertezza. “It-tieni post li ksibt f’Franza tani ħafna motivazzjoni, imma fl-istess ħin tani wkoll pressjoni. Għal din it-tellieqa, l-għan tiegħi hu li nasal fil-podium – fost l-aqwa tlieta.”

Iżda kif jagħmel biex iħejji ruħu għal sfida daqshekk kolossali? “Is-sigriet hu l-konsistenza. Kuljum nitħarreġ, inżomm rutina stretta ta’ rqad, nutrizzjoni u taħriġ. M’hemmx spazju għall-kompromessi. Jekk trid tmur sa l-aħħar, trid tgħix bħallikieku kull ġurnata hija parti mit-tellieqa.”

Meta ngħidulu jekk qattx jiġi mument fejn irid iċedi, jitbissem. “Tbatija hemm ħafna kemm fiżika kif ukoll mentali. Ġieli jkollok sigħat ta’ tbatija kontinwa, ġirja li qatt ma tispiċċa, u moħħok jgħidlek biex tieqaf. Imma kull darba niftakar għaliex qed nagħmel dan – għall-annimali, għall-komunità u dak jagħtini l-enerġija biex inkompli.”

Filwaqt li t-tellieqa hija proċess ta’ sforz kbir, hemm ukoll mumenti ta’ gratitudni. “Meta nara nies minn madwar id-dinja jiġu jgħiduli bravu u prosit jew jgħinu f’donazzjoni, nifhem li dan kollu għandu tifsira. Mhux biss sport, imma messaġġ ta’ tama.”

Barra mill-isforz personali u sportiv tiegħu, Fabio jgħid li l-iktar ħaġa li żżommu motivat hija l-komunità li nbniet madwar il-Project 100. “Meta tara tfal, familji u anke anzjani jiġu jagħtulek tislima jew jagħtuk donazzjoni żgħira, tħoss li kulħadd qiegħed jagħmel parti minn dan il-vjaġġ,” jgħid hu b’tbissima. “Dan mhux proġett tiegħi biss huwa tal-poplu Malti kollu. Kull min jagħti anke l-iċken ammont jew kelma ta’ kuraġġ, jagħti n-nifs lil xi annimal li qabel kien qed ibati. Dik hija l-akbar rebħa li tista’ tagħti.”

Fi kliemu stess: “Kull kontribuzzjoni tgħodd. Kull €2 jew €5 jagħmlu differenza. Għax filwaqt li aħna nagħżlu li nbatu ftit fuq triathlon, hemm ħafna annimali li jbati kuljum mingħajr ħtija.”

Huwa jżid ukoll li dawn it-tlielaq mhumiex biss dwar il-miri jew ir-riżultati, imma dwar il-vjaġġ kollu. “Hemm ħafna sagrifiċċju involut tħalli l-familja, il-ħbieb, il-komodità tiegħek. Imma meta tara l-impatt li tagħmel fuq ħaddieħor, dak jagħmel kollox jiswa.”

Spiteri japprezza ħafna l-appoġġ tal-imsieħba li ilhom miegħu sa mill-bidu fosthom Royal Canin Malta, Cisk 0.0, Epic u Garmin Malta. “Dawn il-kumpaniji emmnu fija mhux biss bħala atleta, imma bħala persuna li trid tagħmel differenza. Għalihom jiena dejjem grat.”

Sadanittant il-pubbliku jista’ jkompli jappoġġja Project 100 permezz ta’ dawn il-kanali:

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport