Saturday, December 28, 2024

“Fadal biss persuna waħda Maltija fl-Ukrajna”… ħidma kbira mill-Ambaxxata Maltija fil-Polonja

Aqra wkoll

Bis-sitwazzjoni fl-Ukrajna tkompli tmur għall-agħar hekk kif komplew l-attakki mit-truppi Russi, ħafna aktar ċittadini ddeċidew li jħallu kollox warajhom, jabbandunaw djarhom u jmorru lejn il-fruntiera biex jaqsmu lejn pajjiżi ġirien. Il-parti l-kbira qed jagħżlu li jmorru lejn il-Polonja jew lejn ir-Rumanija. Dan is-sit hu infurmat li l-Maltin li kien hemm fl-Ukrajna b’mod partikolari f’Kharkiv u fi Kiev, iddeċidew fl-aħħar sigħat li jagħmlu l-vjaġġ diffiċli u jitilqu minn hemm. Jidher li fl-Ukrajna għad fadal biss persuna waħda Maltija. Fl-aħħar sigħat, kien il-Malti, Martin Ellul Mercer, li ddeċieda li jabbanduna daru u jitlaq lejn il-Polonja biex imbagħad jiġi lejn pajjiżna. Il-vjaġġ ta’ Martin lejn il-fruntiera tal-Polonja dam xejn inqas minn 28 siegħa. Martin qasam il-fruntiera lejn il-Polonja bil-mixi.

Ma kinitx faċli biex noħorġu Maltin mill-Ukrajna

Quddiem is-sitwazzjoni kif kompliet teskala fl-Ukrajna, Talk.mt tkellmet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo, li kompla jsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tal-Maltin u kif kienu qed jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi. 

Fi kliemu stess, “ħriġna diversi familji Maltin li talbu l-għajnuna. Ma kien faċli xejn. Biċċa xogħol kbira biex toħroġhom minn pajjiż fi gwerra fejn jekk toħroġ barra t-triq jistgħu jisparawlek l-Ukreni għax jaħsbuk mar-Russi u r-Russi għax jaħsbuk Ukren. L-ATM’s mhumiex jaħdmu, cards mhux qed jiġu rikonoxxuti iżjed u trid tħallas kollox bi flus kontanti. Il-mistoqsija hi u  jekk ma jkollokx? Kellna nistennew konvojs umanitarji f’ċerti każi. Hemm Ukreni miżżewġin Maltin u talbu wkoll l-għajnuna tagħna u għenniehom. Nafu b’persuna waħda biss Maltija li għadha ma telqitx”, jgħid il-Ministru Bartolo.

“L-Ambaxxata Maltija fil-Polonja eċċezzjonali”

Dan is-sit hu infurmat li kienu diversi dawk l-Ukreni li ġew f’pajjiżna fl-aħħar jiem li urew l-apprezzament lejn il-ħidma li wettqet u qed twettaq l-Ambaxxata Maltija fil-Polonja immexxija mill-Ambaxxatrici Marisa Farrugia. Għalkemm l-ambaxxata qed twettaq ħidma fil-kwiet u bla daqq ta’ trombi, huma diversi dawk l-Ukreni li jixtiequ li kif jgħaddi l-kunflitt jiltaqgħu mal-ambaxxatriċi biex jirringrazzjawha personalment tal-ħidma tagħha. 

Ekonomija

Sport