Thursday, December 26, 2024

“Fadlilna x’nagħmlu biex naraw Malta iktar ugwali u ġusta” – Dr Naomi Cachia

Aqra wkoll

Dr Naomi Cachia hi żagħżugħa ta’ 27 sena u avukat. Twiedet u trabbiet ir-Rabat, u bħalissa tgħix l-Imtarfa. 

Ilha attiva fil-Partit Laburista għal dawn l-aħħar disa’ snin. Fl-2017 ġiet eletta bħala president tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit, u kienet l-ewwel president mara wkoll, unur li verament tgħożż u pass li ħadet b’serjetà kbira. 

L-attiviżmu tagħha fil-politika ġej mill-ideali li tħaddan u xejn iżjed, infatti qatt ma mmaġinat li kienet se tagħmel dan il-pass, għalkemm minn dejjem xtaqet. Imma l-karattru tagħha hu normalment wieħed riservat, u qatt ma kienet xi bniedma ambizzjuża. Taħdem b’qalbha ġeneralment, u tħoss li din hi kwalità li tħalliha tempatizza u tibni konnessjoni man-nies li tiltaqa’ magħhom. 

Saqsejna lil Naomi minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?

Naħseb kull min jaf lil missieri, jaf it-tweġiba għal din id-domanda! Missieri, għalkemm qatt ma ħareġ għall-politika, huwa l-ikbar u l-aħjar eżempju ta’ politiku li jista’ jkolli. Kien politikament attiv f’żogħżitu u għadu sal-lum dejjem bil-mobajl ma widnejh, jara kif jista’ jgħin lil kull min javviċinah. M’hemmx ħinijiet, m’hemmx Ħdud u m’hemmx festi. Mingħandu tgħallimt li l-politika hi dwar dak li tista’ tagħti, mingħajr ma tistenna xejn lura. 

Kien ukoll President tal-fergħa taż-żgħażagħ, dak iż-żmien l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti u għalhekk meta ħafna snin wara, jien ħadt l-istess irwol, kien mument speċjali ħafna. 

U allura l-imħabba għall-politika nibtet min età pjuttost żgħira grazzi għall-ġenituri tiegħi li għaddewli dawn il-valuri u prinċipji soċjalisti li dejjem ħaddant f’ħidmieti; prinċipji li determinata li nibqa nħaddan. 

Fl-2013 ingħaqadt mal-fergħa taż-żgħażagħ u qatt ma ħarist lura. Grata ħafna għall-opportunitajiet li sibt fi ħdan il-Partit.

U għalfejn ħasset li kellha tagħmel dan il-pass proprju issa?

Wara seba’ snin tant sbieħ fil-fergħa taż-żgħażagħ, ħsibt ħafna kif nista’ nkompli nagħti servizz lil dak il-partit li nemmen li għandu l-enerġija u l-pjan biex il-pajjiż li tant huwa għażiż għalina jibqa’ jirriforma ruħu u jagħmel passi kbar ‘il quddiem. Tkellimt ħafna fuq il-bżonn li naraw iżjed nisa u żgħażagħ jieħdu rwol ċentrali fit-tfassil tal-politika tagħna. Jien dejjem emmint li bniedem jrid imexxi bl-eżempju u dak huwa li pruvajt nagħmel fl-aħħar snin. Iż-żgħażagħ u n-nisa Maltin għandhom ħafna x’joffru u ħadd ma għandu joqgħod lura milli jippromovi dak li jemmen fih. B’hekk il-pass li kien imiss kien li noffri l-enerġija u l-valuri tiegħi biex inkun ta’ servizz għall-Maltin u Għawdxin li għandhom l-istess ħolma li ngħożż jien, dik li naraw il-Malta ssir dejjem iktar progressiva, ġusta u ugwali. Nemmen li bl-approċċ tiegħi nista’ nolqot ukoll faxxa ta’ nies li mhumiex tipikament laburisti, u nfatti avviċinawni ħafna nies li ma kinux ċerti jekk hux, jew lil min se jivvutaw u nħoss li bnejt djalogu tajjeb magħhom. 

Iżda x’inhu s-sigriet biex Naomi jirnexxielha tagħmel dan kollu u ssib bilanċ u ħin għal kollox?

Jekk hemm xi sigriet, għadni ma nafx bih! Imma apparti ċ-ċajt, il-bilanċ hu important imma mhi faċli xejn li dejjem issib il-ħin biex tagħmel dak kollu li tkun tixtieq. 

Però jkolli ngħid li l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin servietni ta’ preparazzjoni għal dan il-pass. Inħoss li bil-limitazzjonijiet kollha li għandi, anke bħala kandidata ġdida li sa ċerta punt għadni qed insib saqajja, qed nagħmel l-aħjar li nista’ u naħdem mill-qalb u bl-aħjar intenzjonijiet. 

Skont Naomi, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ maghhom ta’ kuljum waqt il-home visits?

Inħossni verament ferħana bir-rispons li qed nirċievi min-nies u grata li qed joffruli l-opportunità li nidħol ġo darhom u nisma’ l-esperjenzi, ix-xewqat, l-ħsibijiet u l-sfidi li huma preżenti llum. U rrealiżżajt ukoll kemm hu importanti, speċjalment għalina bħala ġenerazzjoni żagħżugħa, li nżommu kuntatt mal-ġirien u nsostnu s-sens ta’ kommunità, f’dinja mgħaġġla u individwalizzata.

Wara kull bieb hemm realtà differenti, u nħoss li l-ħidma tagħna fis-snin li ġejjin għandha tkun iffukata fuq kif ser nibqgħu noffru kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għal Maltin u l-Għawdxin kollha. Din il-frażi għandha tifsira differenti għal kull familja: min jinkwieta għal uliedu sakemm isibu saqajhom fid-dinja tax-xogħol, min qed jaffaċċja problema ta’ mard, min il-ħajja ma daħkitlux u jkollu bżonn is-sostenn tal-istat, u min għaddej tajjeb imma jixtieq jara dinja dejjem aħjar għall-ġenerazzjonijiet li tilgħajn. Kull ħsieb, kumment u opinjoni rridu nqishuhom, għax partit u gvern li ma jibqax qrib il-poplu ma jkollu l-ebda dritt li jmexxi l-pajjiż. M’hemmx sfida li nistgħu ninjoraw. 

Skont Naomi, kemm għadu validu it-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista?

Il-Partit Laburista dejjem kien dak il-partit li wera l-fiduċja fiż-żgħir, fil-ħaddiem, fil-fqir u anke fil-minoranzi, fiż-żgħażagħ u n-nisa Maltin. Ma nistaw qatt ninsew min kien il-partit li ta l-għodda biex dawn is-setturi tan-nies ikollhom ċans li jirnexxu fil-ħajja. Li jkollok twemmin soċjalist jfisser li temmen f’opportunitajiet indaqs lil kulħadd, fejn il-flus, il-kunjom, il-ġeneru, it-twemmin u fejn twelidt ma jiddeterminawx kemm timxi ‘l quddiem. Naturalment iċ-ċirkustanzi taż-żminijiet jinbidlu iżda li qatt ma jista’ jinbidel huwa l-fatt li l-Partit Laburista għandu jibqa’ partit bi twemmin soċjalist, u fejn nonqsu li nagħmlu dan, il-pajjiż u l-partit stess iħallas prezz qares.  B’hekk nagħmlu tajjeb li aħna stess nibqgħu l-ikbar kritiċi tagħna nfusna. 

Jekk tingħata l-fiduċja, x’timbru tixtieq tħalli bħala Membru Parlamentari?

“Dħalt għal din l-isfida bit-tir li nagħmel l-affarijiet bl-iżjed mod onest u ġenwin, għax nemmen li hekk biss tkun tista’ tirbaħ u żżomm il-fiduċja tan-nies. Kull fejn mort matul din il-kampanja, kulħadd tani l-istess parir: ibqa’ umli, twiegħed xejn, żomm saqajk mal-art, u ibqa’ man-nies. U allura jidher li l-poplu huwa għatxan għall-politiċi li jibqgħu viċin tagħhom, mhux lejlet l-elezzjoni imma kuljum mill-għada tar-riżutat. 

“Il-ħolma tiegħi hi li ningħata l-opportunità li naħdem b’ħilti kollha biex nara dik il-Malta li minn mindu kont żgħira, dejjem xtaqt ngħix fiha. Matul dawn l-aħħar snin diġà sar ħafna imma qatt ma għandna nkunu kuntenti b’dak li ksibna. Nemmen li fadlilna x’nagħmlu biex naraw Malta iktar ugwali u ġusta, biex naraw li kulħadd ikollu għajxien dinjituż, kull tifel u tifla jkollhom l-għodda neċessarja biex jimxu wara l-ħolm tagħhom, speċjalment jekk qalbhom qegħda fid-dinja tal-isnajja, ix-xogħol tal-idejn, kultura, l-arti jew l-isport. 

“Tul il-mixja politika tiegħi, dejjem kont lesta li nitkellem u nimbotta dak li nemmen fih, anke jekk kont waħdi jew f’minoranza.  Qatt mhu se nieqaf noħlom u naħdem għal dik il-Malta li rridu ngħaddu lill-uliedna,” qalet Dr Cachia. 

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diġà għamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, kif tara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?

Il-Malta tal-2022, anke wara l-isfidi kollha ta’ dawn l-aħħar snin, lanqas biss tintagħraf mill-Malta tal-2012. Għaxar snin ilu konna biss noħolmu bir-riformi li għamilna f’kull settur u ejja ma nieħdux dan il-fattur for granted. Għal snin twal konna drajna b’Malta mingħajr viżjoni ta’ fejn irridu mmorru. 

L-ikbar irwol hawnhekk jibqa’ tal-Partit Laburista u l-istrutturi tiegħu, biex iżommu lill-Gvern responsabbli ta’ għemilu u tad-direzzjoni li jieħu. Għandi għal qalbi ħafna dawn l-istrutturi u rrid narahom jibqgħu jissaħħu.

Dan huwa partit u gvern li qatt ma nesa l-iskop ewlieni tiegħu, li jfittex u jatwa soluzzjonijiet għall-bżonnijiet tas-soċjetà Maltija. Dan jidher ċar mill-proposti tal-Partit Laburista, li ġew imfassla bi ħsieb u wara konsultazzjoni, mhux proposti li huma populisti u bla ebda bażi. Robert Abela u t-team sħiħ ta’ miegħu jibqa’ l-unika soluzzjoni fil-pajjiż li l-poplu Malti jista’ jafda.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Naomi, xtaqet twassal messaġġ finali lill-elettorat Malti.

Ħbieb, ejjew qatt ma ninsew min fejn bdejna u kemm sar progress f’dawn is-snin ta’ Partit Laburista. Veru, l-ebda partit jew persuna mhu perfett imma huwa evidenti li Robert Abela biss huwa l-persuna li lest jmexxi l-pajjiżna fiż-żmien li ġej. Kienu sentejn diffiċli ferm imma bis-saħħa tal-Prim Ministru u r-reżiljenza li wera, u l-kompetenza ta’ Gvern Laburista l-isfidi lqajna għalihom u ħerġin preparati u posittivi għall-futur. Jien lesta biex nagħti l-enerġija kollha tiegħi f’dan iż-żmien sabiħ li għadna quddiemna. Malta iktar ħanina, ġusta u ugwali tista biss tkompli tinbena’ b’Malta Flimkien. 

Ekonomija

Sport