Saturday, October 26, 2024

F’affidavit Keith Schembri jiċħad li nnegozja l-MOU ma’ Vitals

Aqra wkoll

Keith Schembri, l-eks-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ippubblika affidavit li fih jgħid li, kuntrarjament għal rapport mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar, huwa ma kien innegozjax memorandum of understanding ma’ Vitals Global Healthcare biex tliet spartijiet statali jiġu privatizzati.

Schembri ppubblika kopja tal-affidavit fuq il-midja soċjali.

Ir-rapport tal-NAO juri li punti ta’ tħassib imqajmin minn Malta Enterprise fil-proċess ta’ due diligence tal-investituri ġew injorati mill-Gvern.

Fl-affidavit, Schembri qal li l-involiment tiegħu fl-iffirmar tal-memorandum of understanding ma’ Vitals kien li pprovda kamra f’Kastilja fejn dan l-MOU seta’ jiġi ffirmat.

Tenna li bħala firmatarju għall-Gvern kien Chris Cardona li dak iż-żmien kien iservi bħala Ministru tal-Ekonomija. Fl-istess waqt Schemrbi qal li safejn jaf hu, Cardona minkejja li kien hu li ffirma l-MOU bħala l-Ministru responsabbli, ma kienx involut fin-negozjati ta’ qabel l-iffirmar.

Schembri ċaħad ukoll b’mod assolut li serva bħala xi “id moħbija̦ kif rapportat fil-midja. Saħaq li lanqas kien jaf x’kompla jiġri dwar is-suġġett għajr dak li kien jisma’ waqt id-diskusjsonijiet dwar il-kwistjoni Vitals fil-laqgħat tal-Kabinett.

Fl-istess affidavit tenna li hemm min għandu interess li jħammġu u jinvolvih f’affarijiet li qatt ma kienu fil-kontroll tiegħu jew li kellu x’jaqsam magħhom. Żied jgħid li “għal xi wħud sirt komdu li nispiċċa fil-mira ta’ dak kollu li qed jiġi attribwit lill-Gvern fi żminijiet meta Dr Joseph Muscat kien Prim Ministru ta’ Malta.”

Sport