Koppja Maltija u tnejn minn uliedhom ma nstabux ħatjin li mmalafamaw lit-tifla l-oħra tal-familja b’rabta ma’ allegat vjolenza domestika li wettqu fuqha l-membri tal-familja.
Kien fit-23 ta’ Frar tal-2020 meta fuq ONE News kienet ixxandret intervista ma’ mara li fiha kienet allegat li sfat vittma ta’ vjolenza domestika fil-familja tagħha stess.
Ommha, missierha u anke oħtha fil-25 ta’ Frar tal-istess sena kienu bagħtu stqarrija lil ONE News li fiha ċaħdu li abbużaw minnha u sostnew li dejjem kellha karattru ribelluż u li anke rrifjutat l-għajnuna professjonali li dejjem ridu jagħtuha.
Il-mara li kienet intervistata kienet fetħet kważa fil-Qorti fejn qalet li l-istarrija li kienu ħarġu l-ġenituri u ħutha mmalafamawha.
Meta kienet qiegħda tixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello hija baqgħet tinsisti li ommha mhux biss kienet sawtet lilha imma anke lil oħtha u sostniet li qatt ma qalet xejn biex taħbi l-ħażen ta’ ħaddieħor.
Fil-Qorti kienet qalet li hija aċċettat li tiġi intervistata minħabba li dak iż-żmien kienet għadha kemm inqatlet Chantelle Chetcuti u semmiet li ma kellhiex diffikultà turi l-identità tagħha.
Min-naħa tagħha l-familja baqgħet tiċħad l-allegazzjonijiet kollha fosthom li b’xi mod ġiet abbużata u anke fil-Qorti semew kif darba hija qabdet xagħar ommha u bdiet tagħtiha bil-ponn.
Il-Maġistrat Montebello fis-sentenza tagħha qalet li l-istqarrija li l-ġenituri u żewġt uliedha għamlu wara l-intervista saret biex jipproteġi l-isem tal-familja u biex iwieġbu għall-akkużi ta’ vjolenza domestika li hija allegat li sofriet.
Qalet li l-familja kellha dritt li twieġeb għal dik l-intervista dwar dak li kienet allegat il-mara. Kien għalhekk li ċaħdet it-talba tagħha biex tiddikjara l-istqarrija malafamanti.