Sitt persuni, fosthom tlett itfal, inqatlu wara li ħelikopter li kien qed iġorr familja ta’ turisti ġġarraf fix-Xmara Hudson fi New York. Il-familja ta’ ħames persuni li nqatlu kienet minn Spanja u s-sitt persuna kienet il-pilota. Kollha kienu abbord il-ħelikopter fil-ħin tal-kraxx.
Filmati tal-inċident juru l-ħelikopter jinqasam u nieżel rasu ’l isfel qabel ma waqa’ fix-Xmara Hudson. Uffiċjali qalu li l-pilota tal-ħelikopter seta tilef il-kontroll ftit wara li dar fuq George Washington Bridge biex ikompli jittajjar max-xatt ta’ New Jersey.
Il-ħelikopter involut kien operat mill-kumpanija New York Helicopters u telaq minn Downtown Skyport fin-naħa t’isfel ta’ Manhattan fit-3 ta’ wara nofsinhar, ħin lokali.
Erba’ mill-vittmi ġew iddikjarati mejta fuq il-post, filwaqt li tnejn oħra ġew iddikjarati mejta ftit wara li ddaħħlu fi sptar fil-qrib.
Il-parti tax-xmara fejn iġġarraf il-ħelikopter tinsab qrib in-naħa tal-punent ta’ Manhattan, żona magħrufa seew għall-ħwienet u l-ikel lussużi, qrib ukoll il-kampus ewlieni tal-Università ta ‘New York.
L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA) qalet li l-investigazzjoni dwar il-waqa’ tal-ħelikopter Bell 206 b’żewġ skrejjen, se titmexxa mill-Bord Nazzjonali tas-Sigurtà tat-Trasport.
F’post fuq il-midja soċjali, il-President Donald Trump iddeskrieva l-kraxx bħala wieħed terribbli. Qal ukoll dalwaqt se joħorġu aktar dettalji dwar dak li ġara. Il-ħelikopters tat-tip Bell 206 huma użati l-iktar minn kumpaniji tat-turisti, stazzjonijiet tat-televiżjoni u dipartimenti tal-pulizija.
Nies li raw il-waqa’ mill-ajru tal-ħelikopter irrakkontaw lill-mezzi tax-xandir li raw partijiet mill-ħelikopter jaqgħu mis-sema.
Dan m’huwiex l-ewwel inċident fatali li kien jinvolvi ħelikopter tat-turisti fil-Belt ta’ New York. Fl-2018, ħelikopter turistiku ieħor ikkraxxja fix-Xmara tal-Lvant u l-ħames passiġġieri li kienu abbord għerqu kollha. Il-bdot biss kien baqa’ ħaj.
Fl-2009, ħelikopter li kien ukoll qed iġorr turisti Taljani ħabat ma’ ajruplan privat fuq ix-Xmara Hudson. F’dan l-inċident, dakinhar kienu mietu disgħa persuni.
Il-post fejn iġġarraf il-ħelikopter jinsab inqas minn tliet mili fin-Nofsinhar ta’ fejn il-Kaptan tal-US Airways, Chesley Sullenberger, niżżel b’mod espert l-ajruplan tal-passiġġieri li kien qed itajjar, fuq l-ilma, mingħajr ma ntilfu ħajjiet, wara li l-magni waqfu kaġun ta’ ħabta ma qtajja għasafar wara t-tluq mill-ajruport ta’ LaGuardia. L-inżul rari ta’ emerġenza b’suċċess fuq l-ilma baqa’ magħruf bħala l-“miraklu fuq ix-xmara Hudson”.